Għaliex niċċelebraw il-Pride?
Din is-sena niċċelebraw l-għoxrin anniversarju minn meta sar l-ewwel Pride March f’Malta u bejn wieħed u ieħor, 30 sena wara l-ewwel wieħed li sar fl-Istati Uniti fl-1970. Din is-sena seħħ ukoll it-tielet Pride March f’Għawdex.
Forsi wieħed jistaqsi, Imma għaliex jeżisti l-Pride? Għandna verament bżonnha din l-attività?
Ejjew nagħtu ħarsa lura għal dak li wassal biex din il-mixja ta’ protesta ssir avveniment annwali f’bosta pajjiżi.
L-ewwel Pride March sar fit-28 ta’ Ġunju, tal-1970, f’għeluq l-ewwel anniversarju tar-rewwixti ta’ Stonewall. L-avveniment ta’ Stonewall kienet protesta storika kontra l-persekuzzjoni ta’ persuni LGBTIQ mill-pulizija, u favur l-ugwaljanza sabiex din il-komunità tiġi stmata daqs kull ċittadin ieħor. Din il-mixja ta’ protesta nxterdet madwar id-dinja, però tajjeb ninnutaw li fi 92 pajjiż ma jsir ebda Pride minħabba l-ambjent ostili li jeżisti lejn il-persuni LGBTIQ. Għalhekk huwa importanti li ssir il-Pride March sabiex dejjem jiżdied l-għarfien u l-aċċettazzjoni ta’ persuni LGBTIQ madwar id-dinja kollha.
Iżda jekk Malta qiegħda fil-quċċata fl-Ewropa fejn jidħlu l-liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ, għalfejn hemm bżonn ta’ dawn il-mixjiet u attivitajiet?
Il-liġijiet li għaddew, grazzi għal-lobby b’saħħitha u wkoll għall-politikanti li appoġġjawhom, uħud minnhom għal skopijiet elettorali wkoll, għamlu lill-komunità LGBTIQ viżibbli u ma ħallewhiex moħbija, u nemmen li għenu ferm biex ikun hawn aktar aċċettazzjoni u inqas tabù.
Iżda l-attitudnijiet u l-preġudizzji ma jogħsfrux mil-lum għall-għada. Għalkemm ngħidu li s-soċjetà saret aktar inklussiva fil-konfront tal-persuni LGBTIQ, donnu ninsew li jeżisti dak li jitqies bħala privileġġ li ma jidhirx, li hu kollu maħluq għad-dinja eterosesswali, li għal ħafna snin kienet meqjusa ‘in-normali’ u allura dawk li jaqgħu barra minnha kienu “differenti” u “devjanti”.
Grech (2017) iqis dan l-aġir bħala imperjaliżmu kulturali (cultural imperialism) li joħloq inġustizzi minħabba n-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-identitajiet LGBTIQ f’kull qasam tas-soċjetà.
Inħarsu madwarna u naraw kemm għad hawn reżistenza b’saħħitha għall-attivitajiet li jsiru minn persuni LGBTIQ. Pereżempju, portal lokali ħabbar li wasal ix-xahar fejn niċċelebraw il-Pride: minn 373 reazzjoni, 157 kienu ta’ wiċċ jidħak, u kien hemm kummenti bħal, “Meta se niċċelebraw straight month?” u “Meta se niċċelebraw il-familja?”
M’hawnx straight month għax li tkun eterosesswali hi meqjusa bħala n-norma, u ħadd qatt ma kellu għalfejn jaħbi l-identità u l-orjentazzjoni tiegħu, kif kellhom jagħmlu, u forsi għadhom jagħmlu uħud mill-persuni LGBTIQ. L-ebda persuna eterosesswali ma tkeċċiet mid-dar minħabba s-sesswalità tagħha jew tħoss l-obbligu tal-’coming out’ biex tħabbar lil ta’ madwarha li hi straight. L-ebda persuna eterosesswali qatt qalgħet xebgħa minħabba s-sesswalità tagħha, jew beżqulha għax kienet għaddejja id f’id mas-sieħeb jew sieħba tagħha, kif ġralhom koppja gay ħbieb tiegħi. Il-kummenti tan-nies jirriflettu ċar dak li jaħsbu. Koppja liżbjana ħabbret li qed jistennew tarbija. Kien hemm ħafna nies li ferħulhom, imma kien hemm ukoll kummenti, inċidentalment il-maġġoranza tagħhom ġejjin mingħand l-irġiel, fejn staqsewhom kif ħarġu tqal mingħajr raġel, u jekk kellmux psikologu biex ikunu jafu kif jippreparaw lit-tarbija meta tikber peress li m’humiex koppja eterosesswali. Diskors bħal dan jikkontribwixxi għal ambjent xejn san għal dawn il-familji, li minbarra li jridu jgħaddu mill-isfidi li kull familja tesperjenza, iridu jħabbtu wiċċhom ma’ min iqishom bħala familji intrinsikament difettużi.
Dan narawh spiss jiġri fl-iskejjel, fejn studji varji juru kemm fl-iskejjel għad hemm nuqqas ta’ għarfien u ta’ viżibbiltà fejn jidħlu persuni LGBTIQ u familji qawsalla. Magri (2023) sabet li sempliċikartolina lill-ġenituri tal-istess sess ħolqot diffikultà lill-għalliema, li ma kinitx taf kif se tindirizzaha, meta lill-ġenituri l-oħrajn kitbitilhom “to mummy and daddy”.
Dan ma jfissirx li bilfors hemm trans/omofobija. Anzi nemmen li fejn tidħol aċċettazzjoni ta’ individwi LGBTIQ għamilna passi ta’ ġgant,iżda dejjem se ssib uħud preġudikati speċjalment fejn jidħlu persuni nonbinarji. Mallia (2021), fl-istudju tagħha dwar studenti trans, sabet li dawn it-tfal sabu ħafna sostenn fl-iskejjel, imma n-nuqqas ta’ għarfien ta’ wħud mill-għalliema ħolqilhom mumenti ta’ mistħija.
Illum il-ġurnata l-Ministeru tal-Edukazzjoni kiteb politika li tħares lill-persuni LGBTQI. Iżda in-norma aċċettata hija dik eterosesswali, kif jikkonferma studju ta’ Mallia (2021) fejn jidher ċar kemm uħud mill-edukaturi jkunu kawti meta jiġu biex jindirizzaw kwistjonijiet marbutin mad-dinja LGBTIQ. F’dan l-istudju instab li anke biex jintużaw il-kliem ‘gay’ u ‘liżbjana’ kien hemm min sab diffikultà. Edukaturi oħrajn dehrilhom li għandhom jitkellmu fuq kwistjonijiet LGBTQI biss jekk l-istudenti jistaqsu.
Kif nistgħu naraw, għalkemm imxejna passi kbar ‘il quddiem fil-ħarsien tal-persuni LGBTIQ mil-lat ta’ leġiżlazzjoni u politika, fil-prattika għad jonqos xi jsir. Għalhekk il-Pride March hu avveniment essenzjali li jippromwovi l-viżibbiltà, l-aċċettazzjoni u l-ugwaljanza għall-komunità LGBTIQ. Din il-mixja għandha sservina ta’ tfakkira fil-ġlieda għad-drittijiet u r-rikonoxximent, u waqt li niċċelebraw dak li diġà nkiseb, niftakru fl-isfidi li għad iridu jintrebħu.
Mhux hekk biss; minbarra li l-mixja tissimbolizza s-solidarjetà, trawwem ukoll sens ta’ appartenenza, teduka l-pubbliku u fl-istess ħin tappoġġja soċjetà diversa, inklussiva u ugwali.
Referenzi
Grech, J.K. (2017). LGBT+ concepts in the primary classroom : a possibility? [Bachelor’s Dissertation, University of Malta]. https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/25212
Magri, J. (2023). The Experiences of Married Gay and Lesbian Maltese Couples in the Education of their Children. [MTL Dissertation University of Malta].
Mallia, M. (2021). Exploring the Perspectives of Social Workers in Relation to Transgender Children in the Maltese Education System. In, C. Azzopardi Lane, M. Naudi & M. Harwood (Eds.), Mapping the Rainbow: Researching the diverse colours of the LGBTIQ community, 2, (p.100-112). https://www.um.edu.mt/library/oar/bitstream/123456789/90976/1/Mapping%20the%20Rainbow%20Vol%20II.pdf