Bla Waqfien: l-Attakk fuq il-Kwalità tal-Ħajja
Wara l-elezzjoni tal-MEPs u l-Kunsilli Lokali, il-Prim Ministru Abela wiegħed li se jagħti każ tal-messaġġ li ntbgħatlu mill-poplu dwar ir-rieda għal kwalità tal-ħajja aħjar.
Iżda minn dak li qed iseħħ madwarna bħalissa jidher ċar li dan il-messaġġ waqa’ fuq widnejn torox. Il-Prim Ministru m’għandux il-ħeġġa li jieħu deċiżjonijiet iebsin favur is-soċjetà ċivili, u kontra l-lobby tal-bini li tinsab bla kontroll.
Diversi aħbarijiet li feġġew fil-midja dawn il-ġimgħat juru kemm l-awtoritajiet lokali ma jimpurtahomx mill-kwalità tal-ħajja tar-residenti u dejjem lesti jieħdu deċiżjonijiet favur il-kuntratturi, li jkomplu jnaqqru l-kwalità tal-ħajja tagħna.
L-aħbar li ngħataw permessi lil supermarkits ġodda f’żoni li diġa huma mimlija bihom, f’Ħal Qormi u n-Naxxar, jfissru aktar teħid t’art, anqas żoni ħodor u żieda kbira fit-traffiku u fit-tniġġiż tal-arja.
Rajna wkoll kif ġiet injorata s-sejħa tal-komunità u tal-Kunsill Lokali Mellieħi hekk kif iż-żona ħadra tal-Qortin ingħatat għall-bini. Din se tkompli tagħlaq lill-Mellieħin qalb aktar bini u tħallihom mingħajr medda miftuħa, li setgħet faċilment inbidlet fi spazju miftuħ ġdid minn Project Green.
Iżda iżjed ma jgħaddi l-ħin iżjed Project Green ikompli juri x’inhu: xejn ħlief eżerċizzju propagandistiku ambjentali (“greenwashing”) fejn din l-entità tal-gvern taħli aktar ħin u riżorsi biex tbiegħ id-ditta tagħha milli tkun sostenibbli.
Fil-każ ta’ Project Green, din mill-ewwel uriet li twaqqfet sabiex timbotta lil Steve Ellul bħala wieħed mill-kandidati ewlenin għal-elezzjoni tal-MEPs minflok li jżid l-ispazji ħodor f’pajjiżna. Ħafna mill-proġetti li ġew imwiegħda qabel l-elezzjoni, fosthom dak tal-ġnien fi Triq Sant’Anna fil-Furjana u proġett ieħor f’San Ġwann irriżultaw f’wegħdiet fiergħa, u mhumiex se jsiru.
L-għotja tal-Qortin lill-kuntratturi sabiex jinbnew iżjed minn mitt appartament minflok żona ħadra juri kemm mhuwiex effettiv l-operat ta’ Project Green.
Kieku l-Prim Ministru u l-Ministri tal-Ambjent u l-Ippjanar riedu juru verament kemm jixtiequ jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Mellieħin kienu jisimgħu minnhom u jħallu ż-żona kif inhi: mimlija pjanti indiġieni u endemiċi. Soluzzjoni oħra kienet li jagħtu l-art lil Project Green biex jibdluha f’masġar qalb ir-residenzi attwali, minflok ma l-Mellieħin jingħalqu qalb xebgħa konkos u ġebel tal-iżvilupp propost.
Kif qed nitkellmu dwar il-Mellieħa, ma nistghux ma nsemmux kummiedja oħra tal-PA li ilha li tilfet in-niskata kredibbiltà li forsi kellha, u ħalliet binja ta’ appartamenti tieħu bankina, bir-riżultat li qed iġiegħlu lin-nies jimxu f’nofs it-triq bi periklu għall-ħajjithom. Minħabba li binjiet oħra inbnew iżjed lura, hemm ċans li t-triq ikollha tidjieq b’riżultat li l-karozzi jkunu ta’ periklu akbar għal min jipprova jaqsam.
Każijiet bħal dawn juru d-dilettantiżmu kbir li bih joperaw ċerta awtoritajiet Maltin li suppost huma mimlijin bl-esperti; u bħas-soltu ħadd mhu responsabbli għal dawn l-iżbalji li jistgħu jkunu ta’ periklu għall-ħajja tar-residenti ta’ dawn il-komunitajiet.
Minbarra l-effetti tal-kostruzzjoni fuq is-saħħa tar-residenti, ma rridux ninsew in-numru ta’ vittmi li kkawżat din l-industrija, fosthom Jean Paul Sofia u Miriam Pace.
Il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ippjanar sinċerament jaħsbu li l-attitudni tal-Gvern se ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti ta’ pajjiżna? Jekk xejn, dawn huma eżempji ta’ kemm il-kuntratturi spiċċaw jagħmlu li jridu f’pajjiżna, u ta’ kemm qed jonqsu milli jagħmlu xogħolhom l-awtoritajiet u r-regolaturi Maltin.