Il-Kollettiv

View Original

Kif se jagħlqu ħalq kulħadd (1)

Ftit jiem ilu dehret intervista ma’ “sors importanti tal-Gvern” fil-gazzetta GozoToday, ippubblikata mill-MediaToday.

“Hemm bżonn li jinbidlu l-liġijiet tal-ippjanar sabiex l-iżvilupp jimxi skont il-politiki l-iżjed riċenti, minflok dawk ta’ 30 sena ilu. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni preżenti qed toħloq diskriminazzjoni u inkonsistenzi,” jgħid dan l-uffiċjal, huwa u jwassal karba fittizja tal-iżviluppaturi.

Clint Camilleri, Ministru għall-Ippjanar: fost l-ewwel mossi tiegħu hemm "riforma" tal-policy tad-DC15 li se tiżgura iżjed kostruzzjoni madwar il-gżejjer Maltin.

Skont dan is-sors, hemm sitwazzjonijiet fejn jista’ jkun hemm triq sħiħa mibnija b’ ħames sulari ħlief għal bini wieħed, għax skontu, il-Qorti tkun waqqfet l-iżvilupp abbażi ta’ dak li hemm fil-Pjanijiet Lokali tal-2006. Fil-verità, il-Qorti qed tagħmel xogħolha kif suppost: il-Pjan Lokali huwa liġi, u legament superjuri għall-policies l-oħra li nkitbu wara.

Sors qrib il-Gvern jitkellem ma’ gazzetta Għawdxija jista’ faċilment jiġi assoċjat mal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri. Ftit wara li Camilleri ngħata dan it-tieni dekasteru ħatar bord b’ħames membri Għawdxin, u spara, baxx baxx, l-ewwel riforma tiegħu: tbagħbisa tad-DC15 policy (li tippermetti bini ta’ sitt sulari kważi kullimkien) sabiex il-bini jiġi regolat skont l-għoli f’metri u mhux bis-sulari; xewqa ċara tal-iżviluppaturi.

Wara li Din l-Art Ħelwa u l-Kollettiv ippubblikaw x’kien fiha din ir-riforma, daħlu mijiet ta’ oġġezzjonijiet għal din il-mossa.

F’Lulju ta’ din is-sena, grupp ta’ għaqdiet tar-residenti ppreżentaw it-13-il talba tagħhom għal riforma fl-Ippjanar. Altru milli pjanijiet lokali antikwati: ir-residenti saħqu fuq il-ħtieġa li jiġu riformati policies iżjed riċenti u diżastrużi bħad-DC15 (li għaddiet mingħajr approvazzjoni parlamentari) u l-pubblikazzjoni tal-ISPED riveduta, li l-Awtorità tal-Ippjanar ħabbret fir-rapport annwali tagħha għall-2023, u li sa issa għadha ma ratx id-dawl.

Silta mir-rapport annwali tal-PA għas-sena 2023 tikkonferma l-eżistenza ta' reviżjoni tal-iSPED li għadha ma ġietx ippubblikata.

Il-kummenti ta’ dan l-uffiċjal tal-Gvern jaslu ftit jiem wara li Joseph Portelli kien għamel allużjoni “għall-organizzazzjoni tal-għaqdiet ambjentali” bħala ostaklu għall-iżvilupp bla riedni li jrid id-Djamant, u jaslu sena u iżjed wara li l-kap tal-MDA, Michael Stivala, kien ressaq allegazzjonijiet dwar numru ta’ NGOs lill-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji.

L-akkużi tal-iżviluppaturi fil-konfront tas-soċjetà ċivili huma ridikoli, u dan jafuh sew kemm Portelli kemm Stivala. Żewġ negozjanti kbar, kompetituri f’xi partijiet ta’ Malta, jafu biċ-ċert li t-terren li joperaw fih huwa diffiċli mhux minħabba l-protesti, iżda minħabba l-kompetizzjoni li hemm bejniethom.

Minkejja r-relazzjonijiet xejn ideali bejn dawn iż-żewġ kbarat, hemm numru ta’ żviluppaturi oħrajn li qishom żugragi ħoxnin bla kontroll ta’ xejn: is-segretarju ġenerali tal-MDA, Paul Attard tal-GAP, għandu mijiet ta’ appartamenti maħsuba għall-Mellieħa, Marsaskala u l-Qajjenza, Birżebbuġa; Anton Camilleri tal-Franċiż irid jibni Villa Rosa, daqsxejn bi sfida lil Silvio Debono (DB) u lill-kbarat l-oħra ta’ Paceville; hemm ukoll ex-ras kbira tal-MDA li, daqsxejn bħal Portelli, taraha tisponta minn wara l-ismijiet ta’ żviluppaturi żgħar li normalment ma jkollhomx biex iħallsu lis-suppliers.

Il-Bord ta' CF Group: (mix-xellug) Joseph Portelli, Stephen Falzon, Clifton Cassar, Duncan Micallef, Frank Agius.

Skont il-paranojji ta’ Stivala, uħud minn dawn l-ismijiet iħallsu lill-NGOs biex joġġezzjonaw għal żvilupp jew ieħor; daqslikieku r-residenti milquta huma favorevoli għal dak li se jinbena madwarhom.

Portelli ċertament jista’ jagħti pariri fuq l-organizzazzjoni: f’intervista fuq is-saqaf tal-Mercury Towers – dak iż-żmien mhux lesti – kien qal li ma jafx kemm għandu flus il-bank, u ftit wara qal li se jieħu self miljunarju bil-faċilità li xi ħadd jgħid li sejjer jixtri s-sigaretti. Ftit tax-xhur ilu, l-istess Portelli ħabbar bond issue biex ikopri self mill-BOV fuq l-istess torrijiet.

Intant, il-gwerrilja urbana tiegħu tidher organizzata ferm iżjed minn ta’ ħaddieħor. Filwaqt li f’Għawdex imexxi x-xogħol ma’ numru ta’ alleati bħal Mark Agius (Ta’ Dirjanu) u Daniel Refalo – anke f’negozji lilhinn mill-kostruzzjoni – f’Malta d-Djamant jidher qrib numru ta’ ismijiet (Clifton Cassar, Silvan Mizzi) li għandhom applikazzjonijiet pendenti f’numru ta’ rħula, fejn xi proġetti ikunu diġà nbiegħu fuq il-pjanta mingħajr xamma ta’ permess.

Għal xi ħadd li għandu problema bl-organizzazzjoni fis-soċjetà ċivili, stramb kif jidhru applikazzjonijiet tiegħu f’isem ħaddiema minn pajjiżi terzi.

Hemm numru kbir ta’ applikazzjonijiet “Ta’ Portelli” li l-għaqdiet ambjentali m’għandhomx ħin isegwu; il-lamentazzjonijiet tad-Djamant forsi għandhom jiġu indirizzati lejn il-bqija tal-iżviluppaturi Għawdxin, ħafna minnhom skuntenti bil-mod kif inbidel is-suq tal-proprjetà, u fejn il-volum tal-bini issagrifika l-kwalità tal-kostruzzjoni, u skont ħafna, anke tal-klijentela.

L-istess tħassib dwar l-impatti taċ-ċiklun Portelli fuq Għawdex iwassluh ir-residenti, diżappuntati u forsi anke reżistenti għall-mod kif inbidlet kwalità tal-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Numru ta’ kbarat tal-PL huma inkwetati dwar il-bilanċ tal-poter politiku f’distrett kruċjali; jafu wkoll li l-fatt li l-PL tilef ħafna voti f’Għawdex mhuwiex konsegwenza tal-attiviżmu.

Ikompli