Appoġġ lill-Barklori
Wara r-rapport ta’ The Times of Malta fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-barklori, il-Kollettiv jagħti l-appoġġ tiegħu lil dawn il-ħaddiema li qed jinbeżqu, b’mod inġust, mill-għajxien tagħhom.
Minkejja li l-barklori għandhom liċenzja għat-trasport ta’ persuni bejn il-Belt u tas-Sliema, il-Ministeru għat-Trasport qed iżommhom milli joffru dan is-servizz minħabba konċessjoni “esklussiva” li ngħatat fl-2012 lill-Valletta Ferry Services. Din il-projbizzjoni qed twassal sabiex tinqered id-dgħajsa tal-pass, li qed tinżamm milli tikkompeti bl-iskuża ta’ din il-konċessjoni.
Din mhijiex l-ewwel darba li l-barklori semmgħu leħenhom: is-sena l-oħra kienu pprotestaw kontra l-bini ta’ moll ġdid biex jaqdi l-cruise liners, mingħajr ma ngħataw sit alternattiv minn fejn joperaw. Anke hawnhekk, kienet sussidjarja tal-Ministeru għat-Trasport, jiġifieri Infrastructure Malta, li għaddiet minn fuq il-barklori.
L-aġir tal-Gvern huwa konsistenti ma’ kif ġab ruħu f’sitwazzjonijiet oħra li jinvolvu l-aċċess għall-kosta: f’San Ġiljan injora lill-għawwiema biex jibni moll; f’Kemmuna, il-moll tal-Blue Lagoon huwa għall-użu kważi esklussiv tad-dgħajjes il-kbar tat-turisti; f’Marsaskala, il-marina proposta minn Transport Malta kienet se tisraq spazju għall-komunità sħiħa.
U min jibbenefika minn dan kollu?
Fuq is-sit ta’ Valletta Ferry Services jidher il-logo ta’ Marsamxetto Steamferry Services Ltd, kumpanija li telenka lil membri tal-familji Zammit Tabona u Bianchi bħala diretturi.
Zammit Tabona jitfaċċaw prattikament kulfejn jidħlu katamarani u infrastruttura marina: il-moll ta’ San Ġiljan kellu jinbena għalihom, il-katamaran aħmar tagħhom jagħmel għexieren ta’ vjaġġi kuljum lejn il-Blue Lagoon, joperaw il-fast ferry bejn Malta u Għawdex f’joint venture mal-kompetituri tagħhom, u kienu wkoll mal-bidders fis-saga tal-marina.
Fil-każ tas-servizz bejn il-Belt u tas-Sliema, joħroġ biċ-ċar li l-Gvern qed jaġevola lill-familja Zammit Tabona billi jirrestrinġi l-kompetizzjoni, forma ta’ għajnuna mill-Istat li hija illegali u li qed tikser id-drittijiet tal-bniedem tal-barklori.
Il-Gvern qed jinjora lill-popolazzjoni u jiffavorixxi lin-nies tas-soltu. L-għajta tal-barklori - dik li ntesew mill-Gvern - hija waħda ġusta anke fid-dawl ta’ dawn il-fatti.
Il-Kollettiv jagħti l-appoġġ tiegħu lill-barklori fil-kawża tagħhom.