Balliju fuq il-Bankini
Ġej sajf ieħor ta’ frustrazzjoni għar-residenti ta’ Marsaskala, impenjati fil-ġlieda tagħhom għall-ħelsien u s-sikurezza... tal-bankini tar-raħal.
Anke din is-sena, numru ta’ ristoraturi reġa’ kkapparra l-bankini u l-ispazji pubbliċi b’mod saħansitra iżjed feroċi mis-snin li għaddew.
Ritratti mibgħuta mill-Marsaskala Residents Network juru kif dawn in-negozjanti qegħdin sistematikament jinjoraw ir-regoli u jagħlqu l-aċċess għall-pubbliku.
Kif jidher ċar, l-attività kummerċjali ta’ dawn l-istabbiliment ma tippermettix l-użu tal-bankini mill-individwi, wisq inqas minn dawk li jeħtieġu siġġu tar-roti.
Għal numru ta’ xhur, ir-residenti kienu impenjati f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet li injoraw għal kollox is-sitwazzjoni tagħhom. L-Awtorità tal-Ippjanar, f’korrispondenza mar-residenti, qalet li d-“dipartiment tal-infurzar tagħha m’għandux setgħa jwaqqaf dawn l-abbużi” minħabba li dawn huma strutturi temporanji koperti minn DNO.”
Il-PA, filwaqt li tikkwota DNO li ħareġ erbatax-il sena ilu, tgħid ukoll li din ma tirregolax xi jsir mis-siġġijiet u l-imwejjed wara l-ħin tal-għeluq.
Residenti li tkellmu ma’ Il-Kollettiv urew ir-rabja tagħhom għal dak li qed jiġri fir-raħal.
“Qed ngħixu fi slum, u meta tkellem l-awtoritajiet qisek qed titkellem ma’ ħajt. Iridu l-voti u mbagħad jiġu jitnejku. Għalhekk iridu l-voti tagħna, biex jagħtu s-saħħa lil dawn in-nies? Għandna nibqgħu nittallbu għad-drittijiet tagħna?”
Numru ta’ ristoranti ġew sanzjonati mill-PA fix-xhur li għaddew iżda baqgħu joperaw daqslikieku ma ġara xejn.
Ebda azzjoni mill-Kunsill Lokali: is-Sindku Mario Calleja ripetutament wera li huwa qrib “il-komunità tan-negozjanti” f’Marsaskala, tant illi xtaq jinkludihom f’referendum dwar il-marina daqslikieku huma prijorità iżjed mir-residenti, filwaqt illi l-Viċi Sindku Janice Falzon ma kellha ebda problema tagħmel avveniment f’ristorant li spiss inqbad jikser ir-regoli.
F’April, ir-residenti talbu laqgħa ma’ Stefan Zrinzo Azzopardi, Ministru għall-Artijiet, iżda baqgħu mingħajr tweġiba.
Il-problema tal-aċċess fuq il-bankini splodiet wara l-COVID, fejn il-konċessjonijiet li tat l-Awtorità għat-Turiżmu biex ir-ristoranti joħorġu l-għamara fuq il-bankini baqgħu fis-seħħ minkejja li l-emerġenza medika ilha li spiċċat.