Illum jiftaħ Il-Kollettiv
L-impenn tagħna lejn il-Ġustizzja Soċjali, l-Ugwaljanza, u l-ġid komuni: il-ħidma kollettiva hija essenzjali għall-bidla.
Dalgħodu ftaħna b’mod uffiċjali Il-Kollettiv, bl-għan li noħolqu attiviżmu ġdid li jipparteċipa b’mod iżjed attiv fil-ħajja soċjali u politika ta’ pajjiżna. Fix-xhur li ġejjin se niftħu l-bibien għas-sħubija tal-membri ġodda, bl-għan li nsaħħu l-istruttura tagħna għall-ġejjieni.
Din hija d-dikjarazzjoni għall-midja li ħarġet iżjed kmieni llum:
Numru ta’ attivisti minn bosta organizzazzjonijiet lokali ingħaqdu biex joħolqu Il-Kollettiv, pjattaforma ġdida tas-soċjetà ċivili ffukata fuq l-azzjoni kollettiva.
F’konferenza stampa li nżammet fiċ-Circolo Musicale Sta Caterina, fiż-Żejtun, il-membri tal-kunsill eżekuttiv tkellmu dwar il-missjoni tal-grupp, li se jkun attiv fil-ħidma għall-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza, u għall-użu aħjar tar-riżorsi komuni.
“Tul l-aħħar sentejn kellna diskussjonijiet frekwenti ma’ bosta gruppi u individwi, u dawn għenuna nifhmu kif l-attiviżmu jista’ jkollu parteċipazzjoni ikbar fir-realtajiet soċjali u politiċi ta’ pajjiżna,” qalet Jeanette Borg, President interim ta’ Il-Kollettiv.
Il-Kollettiv jirrappreżenta mod ġdid ta’ kif isir l-attiviżmu, billi jiffoka fuq l-azzjoni kollettiva li tagħti s-setgħa direttament lill-komunitajiet, lir-residenti, u ssaħħaħ l-attivitajiet tagħhom. “Nemmnu bis-sħiħ li d-deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-poplu għandom jittieħdu mill-poplu u mill-komunitajiet. L-għodod tad-demokrazija għandhom dejjem ikunu f'idejn il-poplu,” qalet Borg. “Inħeġġu lir-residenti ta’ Malta u Għawdex, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, sabiex jieħdu sehem f’din l-azzjoni kollettiva u jingħaqdu magħna.”
Bħala parti mill-ħidma mal-organizzazzjonijiet lokali u settorjali, il-Kollettiv diġà kien attiv f’numru ta’ kampanji f’bosta rħula. Is-sit tal-għaqda, kollettiv.org se jkun qed iservi ta’ pjattaforma għal dawn l-organizzazzjonijiet, bi spazju ddedikat għall-gruppi tar-residenti bħalma huma l-Għaqda Residenti taż-Żurrieq, l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa, u l-Marsascala Residents Network.
Matul il-konferenza, Borg qalet li Il-Kollettiv se jkun qed jaħdem mal-artisti fuq produzzjonijiet kollaborattivi li għandhom l-għan li jħallu legat fost il-komunitajiet. “Nemmnu fl-importanza ta’ xogħlijiet artistiċi li huma impenjati, b’mod kollettiv, favur id-drittijiet u d-dinjità tal-bniedem, filwaqt li jikkomunikaw mal-komunitajiet diversi li jiffurmaw is-soċjetà tagħna.”
Il-grupp se jkun qed jiftaħ il-bibien tiegħu għas-sħubija fix-xhur li ġejjin, bl-għan li jkompli jkabbar il-bażi ta' attivisti li jħaddnu l-valuri ta' Il-Kollettiv, u jixtiequ jagħtu l-kontribut tagħhom. "Il-Kollettiv jilqa' lil kull min jemmen li s-soċjetà tagħna tista' u għandha tkun iktar ġusta," enfasizzat Borg.