Il-Kollettiv

View Original

Bla Dawl, Ilma u Drittijiet

Aleksandar Vukoje issa ilu ‘l fuq minn ġimagħtejn mingħajr dawl u ilma wara li sid il-kera daħal ġo daru, heddu b’ħajtu, u tfielu d-dawl u l-ilma.

Aleksandr Vukoje. Ritratt: Solidarjetà

Jien, bħal ħafna oħrajn, fortunatament dejjem kelli saqaf fuq rasi u qatt ma kelli ninkwieta li din is-sitwazzjoni se tinbidel. Qatt ma kelli ninkwieta li meta mmur norqod, se nqum b’xi ħadd iwerzaq, jgħajjarni, jheddidni, jew jgħidli nitlaq ‘il barra minn dari. Qatt ma kelli ninkwieta li se jkolli ngħix go dari mingħajr ilma jew elettriku, mingħajr ma nkun nista’ nsajjar, ninħasel, ngħix komdu, jew imqar nara fejn inkun miexi bil-lejl.

Nemmen li din għandha tkun l-esperjenza ta’ kull bniedem, u li ħajja ta' dinjità u kumdità bażika għandha tkun iggarantita għal kulħadd. Iżda hawn min, għall-benefiċċju ta’ butu, jiċħad dawn id-drittijiet bażiċi lill-vulnerabbli fis-soċjetà.

Malta għandha suq tal-kera bl-inqas regolamenti u kontrolli fl-Ewropa, li saħansitra jippermetti lis-sidien tal-kera jkeċċu lill-inkwillini minn darhom wara sena, mingħajr ma jkunu għamlu xejn ħażin.

Iżda sid il-kera ta’ Vukoje lanqas ma dawn ir-regoli bażiċi ma mexa. Wara li nesa jibgħat notifika uffiċjali lil Aleksandar sabiex jitlaq mill-post, il-kuntratt ġie mġedded b’sena oħra. Meta s-sid induna li Aleksandar kien jaf x’inhuma d-drittijiet tiegħu u ried jgħix hemm għal sena oħra, ħa l-liġi b’idejh u qatagħlu d-dawl u l-ilma.

Qabel ma ġie ppubblikat dan il-każ fuq il-midja, kont qed nassisti lil Aleksandar biex jiftaħ rapport tal-pulizija. Ħsibt li, sa fl-aħħar, forsi s-sidien ta' rieda tajba u l-Maltin li forsi qatt ma għaddew minn xi ħaġa hekk, se jaraw it-tbatija li jkollhom jgħaddu minnha l-inkwilini, Maltin u barranin.

Imma kważi mal-ewwel indunajt li anke f’każijiet daqshekk estremi u ċari, hemm min se jaqbeż għas-sid minflok l-inkwilin; l-aggressur minflok il-vittma. Kif jista’ jkun? Hija possibbli li kultura ta’ investiment fil-propjetà tiġi qabel l-empatija għall-bnedmin ħutek? Wara li tara vidjo bħal dak, possibbli tibqa’ taħseb li huwa iżjed importanti l-profitt?

Din il-mentalità sfortunatament m’infettatx Malta biss, imma d-dinja kollha. Għandna bżonn nindunaw li n-nies u l-ġid komun għandhom dejjem jitpoġġew qabel l-interessi tal-profitti u l-flus.

Sfortunatement, l-istat ma kien ta’ ebda għajnuna. Il-pulizija ma ħallewx lil Aleksandar jagħmel rapport għal darba, darbtejn. Kien biss meta mar miegħu rappreżentant tal-union li ħallewħ jagħmel rapport.

Huwa inaċċettabbli li l-Korp tal-Pulizija ma jiħux bis-serjetà l-kwistjonijiet tal-inkwilini u tal-barranin. M'għandux ikun li l-pulizija tieħu azzjoni kriminali kontra sid biss fil-preżenza ta’ rappreżentant legali Malti.

Iżda iktar agħar minn hekk, l-istat għadu ma ħa ebda azzjoni biex jiftaħ is-servizzi ta’ Aleksandar. L-Awtorita’ tad-Djar qalet li minkejja li tirregola l-kirjiet, il-kwistjoni tad-dawl u l-ilma mhux kompetenza tagħha. L-ARMS u l-WSC qalu ma jistgħux jidħlu f’dar privata biex jixegħlu d-dawl u jiftħu l-ilma għax dik hija kompetenza tas-sid. Kulħadd ifarfar.

L-unika soluzzjoni li ġejna offruti hija dik tal-qrati. Dan ifisser xhur sħaħ fl-eqqel tas-sajf mingħajr fann, arja kkundizzjonata, jew friġġ fejn iżomm l-ikel sakemm tinqata’ l-kawża.

Solidarjetà ddeċidiet li tħallas l-ispejjeż legali kollha li jista’ jkollu Aleksandar Vukoje sabiex jikseb ġustizzja.

Min jixtieq jikkontribwixxi għal din il-kawża jista’ jagħti donazzjoni minn hawn.