Il-Kollettiv

View Original

Dak li s-Sindku nesa jgħid

Il-ġlieda għall-kontroll tal-Kunsill Lokali f’Wied il-Għajn hija storja bejn żewġ kandidati: Mario Calleja, li ilu Sindku mill-2006, u l-viċi tiegħu Janice Falzon, li kellha biss distakk ta’ 67 vot fl-elezzjoni tal-2019. 

Mario Calleja reġa ġie elett sindku fl-2019; hawnhekk jirċievi l-awguri mingħand Konrad Mizzi.

Għad-differenza ta’ sentejn ilu, meta Calleja kien kandidat għall-elezzjoni ġenerali, il-marina li kienet ipproponiet Transport Malta m’għadhiex kwistjoni; l-Awtorità tal-Ippjanar fetħet proċess ta’ konsultazzjoni sabiex jinbidel il-Local Plan taż-żona u jiġi eskluż kwalunkwe żvilupp ta’ dan it-tip. 

Calleja, li f’dan il-kurrikulu jsemmi esperjenzi fil-korp tal-Pulizija u mbagħad fit-turiżmu, qed jippreżenta ruħu bħala “pensjonant” għal dawn l-elezzjonijiet.

Kampjun tal-voti għall-elezzjoni 2024 imqassam mill-Partit Laburista.

Li ma kienx iddikjara Calleja huwa l-kunflitt ta’ interess tiegħu bħala direttur tal-kumpanija Ozo Security, sussidjarja tal-Ozo Group, li bħala diretturi għandha elenkati lil Mario Muscat u lil tliet membri tal-familja Zammit Tabona, ġganti tat-turiżmu.

Julian Zammit Tabona huwa elenkat bħala direttur ta’ Marina di Valletta Ltd, li kienet parti minn konsorzju ikbar bl-isem ta’ Scala Marina JV, wieħed minn erba’ bidders għall-konċessjoni u l-bini tal-marina.

In-notifika tar-riżenja ta’ Calleja fir-reġistru tal-kumpaniji ġġib il-firma tas-7 ta’ Marzu 2024, erba’ xhur qabel l-elezzjoni.

Kampjun tal-voti għall-elezzjoni 2019, imqassam mill-Partit Laburista. Calleja huwa elenkat bħala “Project Manager.”

Il-kariga ta’ Calleja tispjega għalfejn is-Sindku naqas milli jopponi l-pjanijiet għall-marina sal-aħħar minuta nett, meta, jumejn qabel ma l-Prim Ministru kien irtira l-proposta, kien ħareġ jgħid fl-Independent li trid tkun “bla moħħ” biex taqbel mal-proposta tal-marina kif diżinjata minn Transport Malta, iżda naqas milli jopponi kwalunkwe forma ta’ żvilupp fi spazju tal-komunità.

Il-marina kienet ukoll sors ta’ tensjoni bejn Calleja u l-viċi tiegħu.

Bil-moħbi tal-Kunsill, Calleja kien iddiskuta l-marina u xi pjanijiet biex jinbidel il-fluss tat-traffiku fi pjazza Sant’Anna f’“sottokumitat għar-riġenerazzjoni” li kien jinkludi lin-negozjant Ray Abela, illum MP Laburista, u lil kuġinuh Eric Abela, li qed jiżviluppa boutique hotel fi pjazza Sant’Anna.

Dan is-sottokumitat kien ilu jaf bil-proposta għall-marina minn Awwissu 2020, sena qabel ma Transport Malta żerżqet is-sejħa għall-interess matul il-festi ta’ Santa Marija. Madankollu, fl-intervista li ta lill-Independent fi Frar 2022, Calleja kien qal li sar jaf bil-proposta permezz tal-midja, jiġifieri f’Awwissu tal-2021.

F’laqgħa li saret f’Diċembru tal-2020, Falzon kienet ikkritikat lill-president tal-kumitat ta’ riġenerazzjoni, Ray Abela, talli kien qed jagħmel kampanja fuq il-midja soċjali u jiltaqa’ ma’ entitajiet tal-Gvern mingħajr l-għarfien tal-kunsilliera l-oħra.

Ray Abela (fin-nofs) qrib Mario Calleja u Janice Falzon f’laqgħa mal-Kunsill ta’ Marsaskala, Awwissu 2022. Ritratt: Ray Abela (Facebook)

Is-sottokumitat kien ġie xolt wara li l-eżistenza tiegħu, għal xi żmien sigrieta, saret magħrufa fil-pubbliku; l-operazzjoni tas-sottokumitat setgħet ukoll ikkawżat kwistjonijiet dixxiplinari għas-Sindku.

Eric Abela kien ukoll ħarrek lil membri ta’ dak li llum hija l-Marsaskala Residents Network minħabba li tellgħu “banner bla permess” u li ġabru xi fondi illegalment; imbagħad sempliċiment naqas milli jmur il-Qorti biex isostni l-akkuża tiegħu, u l-każ waqa’.

Min-naħa tiegħu, Ray Abela, negozjant fil-qasam tat-taħriġ elettroniku kif ukoll ex-direttur tal-akkademja tal-Malta Developers Association, kien l-uniku kandidat li baqa’ jiddefendi l-bżonn ta’ marina f’Marsaskala. Dakinhar li l-Prim Ministru rtira l-proposta taħt it-tinda f’Wied il-Għajn, Abela – bilqiegħda ħdejn Calleja, it-tnejn viżibbilment f’qoxrithom – kien sempliċiment iddikjara fuq Facebook li l-marina kienet “case closed”.

L-imġiba ta’ Calleja fis-saga tal-marina kienet konsistenti mal-mod kif ġab ruħu fil-każ tal-kampus tal-AUM fiż-Żonqor, fejn is-Sindku dak iż-żmien kien qal li min qed jipprotesta kontra l-proġett ma kienx jaf fejn hu ż-Żonqor. Calleja kien ukoll mar kontra l-pożizzjoni tal-Kunsill u sejjaħ kontroprotesta favur il-bini tal-Università iżda skont hu, Joseph Muscat kien żammu lura mill jagħmel dan.

Mario Calleja (ċentru) ilu sindku mill-2006. Ritratt: Jeremy Wonnacott/Dipartiment tal-Informazzjoni

Dakinhar li l-Kunsill ivvota kontra l-proposta ta’ marina, Calleja beda jrewwaħ l-idea ta’ referendum li jinkludi lin-negozjanti u min jinżel Marsaskala għall-villeġġjatura. “Min aħna biex niddeċiedu għal madwar 30,000 persuna?” qal is-Sindku lill-Illum, minkejja li fir-raħal uffiċjalment jgħixu 17,000 ruħ.

Intant, ebda mill-kandidati taż-żewġ partiti ewlenin mhu qed jippreżenta soluzzjoni għall-kwistjoni tal-ispazji pubbliċi misruqa mir-ristoranti: Wied il-Għajn huwa wieħed mill-irħula li jiffaċċja l-iżjed problemi bi stabbilimenti kummerċjali li jikkapparraw spazju pubbliku b’mod abbużiv.

Fl-aħħar jiem, il-Marsaskala Residents Network bdiet tippubblika s-sejbiet ta’ stħarriġ fil-lokalità fejn ir-residenti ntalbu jagħtu l-ħsibijiet tagħhom dwar is-sitwazzjoni tal-indafa, l-aċċessibbiltà, it-trasport u l-kwalità tal-ħajja fir-raħal ta’ Marsaskala.