Il-Kollettiv

View Original

Is-Saħħa għand il-Ftit

Fl-aħħar snin rajna ekonomija li kibret b’mod mgħaġġel, iżda din ma rriżultatx f’titjib fil-maġġoranza tal-ħajjiet tal-ħaddiema. Biex iżommu mal-kwalità tal-ħajja, bosta ħaddiema jagħmlu iktar minn xogħol wieħed: bħalissa għandna figura rekord fejn ħmistax fil-mija tal-ħaddiema jagħmlu xogħol full time u ieħor part time biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.

Min-naħa l-oħra, waqt li l-valur reali tal-paga tal-ħaddiem kompla jiċkien, il-figuri juru ż-żieda kontinwa tal-inugwaljanza bejn il-profitti tal-ftit u l-pagi u l-ġid tal-bqija tal-poplu.

Għall-kuntrarju ta’ numru ta’ pajjiżi, f’Malta m’hemm l-ebda regoli li jobbligaw lill-intrapriżi l-kbar jipprovdu informazzjoni fuq il-pagi li jħallsu, inkluża d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa.

Ma hemmx liġijiet li jorbtu l-ogħla paga f’kumpanija mal-medja tal-pagi fl-istess kumpanija. Pereżempju, kumpanija ewlenija f’Malta ħallset lis-CEO ‘l fuq minn €1m fl-2023, b’żieda ta’ 10% fuq il-paga preċedenti. Fl-istess ħin, il-ħaddiema tal-istess kumpanija raw żieda ta’ inqas minn 1% fil-pagi tagħhom.

Dan ovvjament ma jinkludix id-dividendi, l-investimenti, jew id-dħul minn xi negozji oħra li għandhom persuni fi rwoli bħal dan is-CEO.

Filwaqt li l-ġid tal-pajjiż qed imur dejjem għand lejn il-profitti tal-ftit, il-pagi baqgħu ma żdiedux. Fid-dawl taż-żidiet fl-għoli tal-ħajja, il-ftit sidien u diretturi tal-kumpaniji jibqgħu jagħmlu iktar qligħ, iżda l-ħaddiema le.

Biż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi li jbigħu, huma l-ftit li jibqgħu jixtru u jakkumulaw iktar assi, kif ukoll il-poter li jiġi magħhom. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà hija riżultat dirett ta’ dan il-fenomenu: huma l-ftit negozjanti, li akkumulaw numru kbir ta’ proprjetajiet u artijiet, li jikkontrollaw il-prezzijiet; huma l-iżviluppaturi u s-sensara, membri tal-istess lobby, li jiddeċiedu meta u bil-kemm jpoġġu proprjetà f’suq mingħajr regolamentazzjoni.

Il-Gvern kellu opportunità tad-deheb sabiex verament itejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Iżda meta wasal għad-Direttiva tal-UE fuq il-bilanċ bejn il-ħajja personali u x-xogħol, implimenta biss il-kriterji bażiċi minflok sab mod kif verament jagħmel id-differenza fil-ħajja tal-ġenituri li jaħdmu, u ta’ dawk li huma responsabbli għall-benessri ta’ ħaddieħor fis-soċjetà.

Ħafna żgħażagħ qed jitilqu mill-pajjiż biex jaħdmu barra, fejn il-pagi huma aħjar, u l-għoli tal-ħajja iżjed baxx meta mqabbel mal-pagi. Kif juri dan l-istħarriġ minn Ernst and Young, kważi 90% taż-żgħażagħ jqisu l-pagi Maltin baxxi meta mqabbla ma’ dawk ta’ barra. Fost oħrajn, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dawn iż-żgħażagħ marret għall-agħar minħabba l-prezzijiet tal-proprjetà, l-inflazzjoni u s-salarji baxxi.

Solidarjetà qed taħdem sabiex jitnaqqsu dawn l-inugwaljanzi.

Dan jista’ jsir biss jekk il-mudell ekonomiku jinbidel għal wieħed li jagħti prijorità lill-ħaddiema u l-ġid komuni, u mhux lill-profitti tal-ftit.

Għaldaqstant nipproponu:

1.       Li l-pagi l-iktar baxxi jiżdiedu għal-livell ta’ living wage;

2.      Sforz ikbar biex inbaxxu l-għoli tal-ħajja. Filwaqt li s-sussidji fuq l-enerġija huma ta’ għajnuna kbira għall-ħaddiema, l-iskema tal-istabbiltà tal-ikel għandha tkopri ħafna iżjed prodotti;

3.      Li jonqsu s-sigħat ta’ xogħol li huma ogħla minn tal-medja Ewropea, inklużi s-sigħat tal-brejk li spiss jinħadmu mingħajr paga;

4.     Li l-ħaddiema għandhom ikunu involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet, speċjalment f’kumpaniji kbar u medji. Għandu jkollhom id-dritt li jeleġġu rappreżentanti tagħhom fuq il-bordijiet tal-kumpaniji, u l-Gvern ukoll għandu jkompli jippromovi l-koperattivi sabiex b’hekk aktar ħaddiema jkunu jistgħu jiddeċiedu, b’mod kollettiv, dak li għandu jsir fuq il-post tax-xogħol;

5.      Li jiddaħħlu regoli biex jiġu kkontrollati l-prezzijiet tal-proprjetà u tal-kirjiet. Irrispettivament minn kemm jogħlew il-pagi, mingħajr kontroll fuq il-prezzijiet tal-proprjetà kwalunkwe miżura biex tgħin lill-ħaddiema tispiċċa titlef il-valur wara ftit xhur.

Dawn il-bidliet jibdew jindirizzaw u jmexxu l-mudell ekonomiku għal wieħed li jiffoka fuq il-benessri tal-poplu u tal-ħaddiema.

Madankollu, irridu nagħrfu li mhux se jkun CEO u lanqas il-politikanti li se jġibu dawn il-bidliet.

Il-bidla mhux se tiġi mill-individwi, iżda minna, kollettivament, bħala klassi tal-ħaddiema maqgħuda. Inħeġġukom tingħaqdu f’union, jew f’waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet li qedin jiġġieldu għal dawn it-talbiet, ħalli flimkien naħdmu għal pagi aħjar, indaħħlu r-regoli fis-suq tal-proprjetà, u naħdmu għal ħajja aħjar għall-ħaddiema.