Id-Demokrazija hija ikbar minn elezzjoni
Fil-jiem qabel l-elezzjonijiet Ewropej, bħas-soltu, il-partiti ewlenin iħeġġu lill-poplu Malti joħroġ jivvota. Minbarra l-kandidati tal-ikbar tnejn, b’kollox hemm 39 kandidat fuq il-lista.
Bħas-soltu wkoll, jerġgħu jfeġġu l-islogans, issa kemmxejn għajjiena, ta’ “hu dmir tiegħek li tmur tivvota!” Sa anke tkun moribond jagħmlu minn kollox biex iwassluk sal-kamra tal-voti.
Però, aktar minn qatt qabel qed naraw żewġ żviluppi. L-ewwel nett, ħafna miż-żgħażagħ għadhom ma jafux lil min se jivvutaw, jew m’hu se jivvutaw għal ħadd. It-tieni, u l-iżjed inkwetanti, huma l-perċentwali għoljin li qed jirnexxilu jġib Norman Lowell.
F’Malta hemm bżonn qawwi li nifhmu d-demokrazija mod ieħor. Id-demokrazija ma ssirx kull 4 jew 5 snin. Il-vot hu biss parti żgħira ta’ din is-sistema, mod wieħed biss ta’ kif insemmgħu leħinna.
Hawn fejn irridu nifhmu li nistgħu nsemmgħu leħinna anke permezz tal-attiviżmu politiku u tal-protesta. Anke dawn l-elementi jikkonsistu f’affarijiet ferm aktar milli tmur iżżomm banner jew poster; hemm rwol għal kulħadd fl-attiviżmu.
Hemm bżonn li l-komunitajiet jerġgħu jiksbu l-fiduċja fil-vuċi u s-saħħa tagħhom stess; dan hu wieħed mill-għanijiet ewlenien ta’ Il-Kollettiv.
Hemm biżibilju kandidati li jriduha tal-vuċi tal-poplu, iżda fosthom hemm ukoll xi “imposturi” li jinqdew bid-demokrazija għall-glorja egoistika tagħhom; dawk li għal kull problema għandhom soluzzjoni faċli iżda li fil-prattika toħloq aktar għawġ.
Neżistu fi stat post-kolonjali, fejn wara l-Ingliżi, jew il-kappillani ta’ dari, issa hemm il-politiċi li jirkbu fuq l-ansjetajiet tan-nies. Minflok taħdem biex isaħħaħ is-solidarjetà bejn il-komunitajiet – Maltin u mhux – is-sistema politika tħalli fl-għama lil min ikun, bogħod mill-proċessi li qed jaffetwaw eluf ta’ ħajjiet, anke billi tinnormalizza l-inkompetenza.
Spiss nisimgħuha l-frażi ta’ “imma jien x’naf?! Jien ma nifhimx!”
Din mhux biss tirrifletti sens ta’ inferjorità li jista’ jkollna, iżda gidba li baqgħu jtambrulna f’moħħna biex, minbarra s-setgħa politika, anke l-potenzjal għall-bidla siewja u f’waqtha jitħalla f’idejn min ma jistħoqqlux jew min mhux kapaċi.
Il-fatt li m’hemmx fiduċja fil-partiti kbar hu biss l-ewwel sinjal li wasal iż-żmien għall-fiduċja fil-bidla.
It-triq hi twila, u l-bidla teħtieġ il-ħin u ż-żmien tagħha. Imma nista’ ngħidilkom fiċ-ċert li l-ħidma ilha li bdiet: l-għaqdiet tar-residenti li nħolqu fl-aħħar żminijiet huma xhieda ta’ dan, u tal-fatt li s-sens ta’ solidarjetà u komunità f’pajjiżna għadu jeżisti.
Issa wasal iż-żmien li nxammru l-kmiem, inqawwu qalbna, u qalb ħaddieħor.