Il-BCA: mix-xejn sa fejn?
Il-Prim Ministru ħabbar din il-ġimgħa li l-Kabinett beda jaħdem fuq emendi legali li permezz tagħhom l-uffiċċju tal-Ombudsman se jkollu kompetenzi ġodda fil-qasam tal-kostruzzjoni. Fost oħrajn, Abela qal ukoll li l-Gvern irid joħloq servizz ta’ rapportar tal-illegalitajiet miftuħ 24 siegħa kuljum.
Mhuwiex ċar x’inhi l-motivazzjoni wara din il-mossa: suppost, il-funzjonijiet ta’ infurzar u tar-rapporti jaqgħu taħt il-BCA, iżda kif jiddimostraw l-inċidenti ripetuti fuq is-siti tal-kostruzzjoni, din l-awtorità m’għandhiex la r-riżorsi u aktarx lanqas il-ħajra tinforza biex tipprevjeni l-inċidenti.
X’inhu l-iskop li tiddaħħal awtorità oħra b’kompetenzi fil-kostruzzjoni, jekk diġà hemm numru ta’ awtoritajiet u entitajiet governattivi li mhumiex jaħdmu bejniethom?
Fost is-sejbiet tal-inkjesta fuq il-qtil ta’ Jean Paul Sofia, hemm ukoll numru ta’ lakuni fir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet, bħal pereżempju, il-fatt li skont il-liġi, il-BCA ma kellha ebda kompetenza jew setgħa fuq il-binja ta’ Kordin li radmet lil Sofia.
Dan ħareġ ukoll mix-xhieda ta’ akkademiku tal-Università ta’ Malta, l-avukat Kurt Xerri, li kien beda analiżi dettaljata tal-liġijiet u r-regolamenti varji li għandhom x’jaqsmu mal-kostituzzjoni.
Filwaqt li ftit li xejn hemm dubji fuq l-integrità tal-Ombudsman, il-Perit Alan Saliba, dan diġà huwa limitat fil-ħidma tiegħu fil-qasam tal-Ippjanar, fejn jista’ jinvestiga u jirrakkomanda, iżda m’għandux setgħa jinforza. Dment li l-Gvern ma jipprovdix lill-uffiċċju tal-Ombudsman bil-persunal u biċ-ċertezza legali li jista’ jinforza, din il-mossa ta’ Abela se tkun qed toħloq iżjed kaos f’settur li diġà kkawża wisq imwiet.
Barra minn hekk, din hija mossa ta’ sfiduċja fil-BCA, awtorità li nħolqot taħt Abela stess fl-2021, sena wara l-mewt traġika ta’ Miriam Pace f’Santa Venera.
Sa mill-bidu kien ċar li l-awtorità kienet mibnija fuq sisien dgħajfa. L-Att li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni ma kien jirregola ebda aspett tal-kostruzzjoni, iżda, fi kliem Xerri, kien “dikjarazzjoni ta’ prinċipju.”
Mal-mejda tal-kumitat Parlamentari li kien qed jiddibatti dan l-Att kien hemm ukoll l-Avukat/Perit Robert Musumeci, awtur kemm ta’ din il-liġi kif ukoll tar-riforma (fallimentari) tal-2019 li introduċiet l-STOs. Musumeci, għal xi raġuni, ma ġiex imsejjaħ biex jixhed quddiem l-inkjesta fuq il-mewt ta’ Sofia, u lanqas ma ġie interpellat il-Ministru li fetaħ il-BCA, dak iż-żmien Aaron Farrugia.
L-aspett regolatorju tal-liġijiet tal-kostruzzjoni daħal fis-seħħ permezz ta’ numru ta’ Legal Notices, li jistipulaw, pereżempju, il-ħinijiet tal-ħidma fuq is-siti, xi dispożizzjonijiet fuq l-użu ta’ materjal, u kwistjonijiet mixxellanji ta’ sikurezza.
L-Att li jistabbilixxi l-Awtorità ma jinkludix fih la l-kodiċijiet tal-bini u wisq inqas ir-reġistru tal-kuntratturi, li ilu wieqaf mill-2019 wara li l-Gvern ta l-amministrazzjoni tiegħu lill-Malta Developers Association; proprju l-Ombudsman kien sab li dan imur kontra l-ispirtu tal-liġi.
F’Jannar ta’ din is-sena Stefan Zrinzo Azzopardi tneħħa mill-Ministeru għall-Ippjanar u l-Kostruzzjoni, u ħa post Silvio Schembri bħala Ministru tal-Artijiet. Zrinzo Azzopardi kien, fuq inizjattiva tiegħu, beda l-eżerċizzju ta’ analiżi tal-liġijiet li fuqu kien qed jaħdem Xerri, u t-tneħħija tiegħu mill-Ministeru tħalli numru ta’ mistoqsijiet.
Il-BCA diġà ħarqet żewġ CEOs: wara r-riżenji ta’ Karl Azzopardi u Jesmond Muscat (maħtura minn Farrugia u Zrinzo Azzopardi rispettivament), ġie mħabbar li Simon Saliba se jkun il-president il-ġdid tal-bord. Saliba kien tkeċċa minn Farrugia wara li kien tefa’ l-microphone ta’ residenti li kienu qed joġġezzjonaw għall-kostruzzjoni ta’ blokka massiċċa fil-Kalkara.
F’Marzu 2021, uffiċjal tal-Awtorità li ħareġ żewġ multi u għalaq sit tal-kostruzzjoni fi Fleur de Lys tkeċċa minn xogħlu u ġie trasferit f’Ministeru ieħor li kien jaqa’ taħt Farrugia. Il-kuntrattur inkwistjoni kien diġà kkawża t-twaqqigħ tad-dar tal-familja Micallef fi Gwardamangia, fl-2019.
Is-sena l-oħra t-Times ikkonfermat ukoll li Carmel Pace, l-armel ta’ Miriam, ingħata impjieg fil-BCA fid-dipartiment tar-reġistrazzjonijiet; mossa li xxekkel lill-familja Pace stess, li hija l-vittma tat-traġedja iżda minħabba f’dan l-impjieg, u finezzi oħrajn tal-avukati, għandha spazju limitat għall-azzjoni.
Il-familja Pace hija rappreżentata mill-avukati Joe Giglio, Membru Parlamentari tal-PN, u minn David Bonello, maħtur fuq il-bord tal-BCA mill-kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. Ftit ġimgħat ilu rriżenja l-bord tal-BCA kollu, bl-eċċezzjoni tal-istess Bonello, li flimkien ma’ Giglio qed jidher ukoll għall-familja ta’ Jean Paul Sofia.
Mhuwiex ċar jekk il-Ministru responsabbli mill-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, hux bi ħsiebu jkompli bl-eżerċizzju ta’ riforma tal-liġijiet li kien inbeda minn Zrinzo Azzopardi.
Sadanittant, filwaqt li l-inċidenti fuq is-siti ta’ kostruzzjoni jseħħu prattikament ta’ kull ġimgħa, il-Prim Ministru lagħab karta oħra li tħalli iżjed mistoqsijiet (u ftit fiduċja) fuq jekk il-Gvern għadx għandu r-rieda jnaqqas l-imwiet fil-kostruzzjoni.