Il-Kollettiv

View Original

Il-Minestra mhux tajba msaħħna

It-Taljani spiss jgħidu li l-minestra mhux tajba meta ssaħħanha; in-nostalġija hija qarrieqa u fuq kollox, kiefra.

Ritratt: Maltatoday

Meta nara wħud mill-uċuħ li qed iċapċpu għar-ritorn ta' dak li rebaħ żewġ elezzjonijiet u tellef id-dinjità lill-pajjiż nista' anke nasal nifhem xi affarijiet.

Fost dawn, il-kariżma li jista' jkollhom il-persuni moralment (u mhux biss) korrotti fuq ħaddieħor, speċjalment fuq l-irġiel li għaddejjin mill-kriżijiet nostalġiċi tagħhom.

Muscat ilbieraħ qal li mhuwiex korrott, anke għax ħalla l-kaxxa ta' Malta mimlija; spettaklu ieħor fejn tkellem dwaru nnifsu.

Il-kaxxa ta' Malta, mimlija kemm kienet mimlija, illum ma tiflaħx il-pensjonijiet tagħna iżda felħet serqiet bħall-Electrogas u Steward, biex insemmu tnejn fuq fuq; il-flus tal-kaxxa ma marrux għand il-poplu żgur.

Muscat jinsisti li mhux korrott għax għamel xogħol privat għal nies bħal Michael Stivala, u xi konsulenzi li jirrigwardaw il-pappagalli.

Muscat forsi għandu jqis hux korrott meta jara l-pajjiż kif inhu llum, meta jieħu kont tal-liġijiet li għadda u speċjalment li neħħa biex jiffavorixxi ponn żgħir ta' nies; il-kaxxa mtliet għalihom u ħadd iżjed. Għandu jqis kemm hu korrott meta l-amministrazzjoni tiegħu kienet responsabbli għall-assassinju ta' Caruana Galizia, u tal-ħabi li ġie immedjatament wara.

Għandu jqis kemm hu korrott biss wara li jieħu kont ta' kemm-il ħajja intilfet bil-mudell ekonomiku tiegħu, sagrifiċċji li setgħu jiġu evitati b'integrità u b'viżjoni, żewġ kunċetti kompletament neqsin minn dan il-bniedem li dejjem il-qies il-flus bħala l-uniku metru ta' suċċess.

Il-profezija tal-"moviment" damet biss ftit snin; illum, għall-għajjat u l-marketing u wegħdiet ta' "futur sabiħ", qed naraw partit jiekol lilu nnifsu bin-nostalġija ta' żminijiet li ma kinux eżattament sbieħ.

Il-kaxxa ta' Malta, sadanittant, nimlewha aħna, mhux sħab Muscat.