Il-Kollettiv

View Original

Ittra lill-PM dwar il-protezzjoni tan-Nigret

Ktibna lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Membri Parlamentari sabiex iz-zona tan-Nigret tiġi protetta.

Nemmnu li l-Pjan Lokali tal-2006 issa qdiem u ma jirriflettix il-ħtiġijiet li għandu l-pajjiż illum fl-2024.

Ritratt: Eric Bartolo

Dan huwa t-test tal-ittra li bgħattna:

Data: 16 ta’ Diċembru 2023

Suġġett: Talba għall-konverżjoni tal-art fin-Nigret fi spazju miftuħ

Lil: L-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Malta

Minn: L-Għaqda Residenti taż-Żurrieq

Id-Daħla

L-Għaqda Residenti taż-Żurrieq tirrikonoxxi b’apprezzament it-tħabbira tal-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament ta’ Malta, nhar l-Erbgħa 22 ta’ Novembru, dwar atteġġjament ġdid tal-Gvern rigward l-użu ta’ art pubblika li kienet ġiet inkluża fil-Pjan Lokali tal-2006. Nifhmu li l-Gvern qed jippjana li dawn l-artijiet pubbliċi jinbidlu fi spazji miftuħa, minflok ma jaqbdu t-triq tal-bini.

Minn Mejju li għadda, l-Għaqda Residenti taż-Żurrieq irnexxielha tgħaqqad flimkien oppożizzjoni għall-kostruzzjoni ta’ aktar appartamenti u bini fuq art agrikola fin-Nigret. L-iskontru tagħna mhuwiex biss ibbażat fuq il-fatt li l-bini se jkun qed iseħħ ħdejn, wara, quddiem jew biswit in-nies li tgħix f’dawn l-inħawi, imma għaliex nifhmu li ż-Żurrieq ma jiflaħx jitlef aktar art tajba għall-biedja. Dan l-iżvilupp se jżid it-traffiku, jgħawwar sfidi infrastrutturali eżistenti, jagħti daqqa ta’ sieq lill-kwalità tal-ħajja tar-residenti, u jkompli jkisser il-karattru naturali ta’ raħalna biex minflok ikollna aktar spekulazzjoni li minnha mhuwiex igawdi kulħadd.

L-Isfond

Il-Pjan Lokali tal-2006, li ddelinea artijieti differenti għall-iżvilupp, maż-żmien spiċċa biex sar magna ta’ żvilupp eċċessiv u mhux sostenibbli li qed jaffettwa l-kwalità tal-ħajja fil-qalba tal-komunitajiet. L-Għaqda Residenti taż-Żurrieq tissuġġerixxi li l-Pjan Lokali tal-2006 jiġi rivedut, għax nemmnu li pjan tal-2006 m’għadux adegwat, ma jirriflettix u ma jindirizzax il-ħtiġijiet ta’ Malta fl-2024, speċjalment fid-dawl tal-preservazzjoni ta’ dak li hu sabiħ u ta’ integrità ambjentali f’raħalna u lilhinn.

Il-Proposta

Meta wieħed iqis did-direzzjoni ġdida u tajba tal-Gvern, qegħdin formalment nitolbu sabiex l-art mhedda mill-iżvilupp fin-Nigret taż-Żurrieq minħabba l-applikazzjonijiet PC85/18 u PC 49/19, tkun ikkunsidrata fil-pjan li ssir spazju miftuħ. Qed nitkellmu dwar bejn wieħed u ieħor tnax-il tomna art pubblika.

Il-Post u s-Sinjifikanza tiegħu

Is-sit inkwistjoni huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu proprjetà tal-Gvern, hekk kif jidher fil-pjanta mehmuża.

In-Nigret huwa prattikament il-pulmun l-aħdar taż-Żurrieq, u jġorr miegħu valur ekoloġiku, rikreattiv u anki estetiku għall-komunità Żurriqija u għal kull min iżuru.

L-iżvilupp propost f’dawn l-inħawi mhux biss jipperikola l-ekosistema ambjentali, iżda jilgħab ukoll bil-wirt storiku u kulturali għani li ż-Żurrieq magħruf għalihom. Huma dawn l-aspetti li jagħmlu liż-Żurrieq li hu.

Skont studju riċenti tal-Awtorità tad-Djar dwar l-ewwel xerrejja tad-dar, iż-Żurrieq ġie fit-tieni post tal-aktar raħal jew belt li fiha n-nies qed tfittex fejn tixtri. Dan l-influss qiegħed jibdel drastikament id-demografija tal-post, u magħha qed iġġib bidla soċjoloġika li ma tistax tkun injorata.

F’dal-kuntest l-iżvilupp tan-Nigret se jipperikola l-integrità ambjentali u l-karatteristiċi rurali tar-raħal, u allura dan l-iżvilupp mhu se jkun żvilupp xejn, jekk bi żvilupp nifhmu titjib fil-kwalità tal-ħajja u l-benessri ta’ min jgħix hawnhekk.

L-Użu suġġerit

L-Għaqda Residenti taż-Żurrieq tipproponi li l-art inkwistjoni tinbidel fi nħawi ta’ konservazzjoni rurali, li jservu bħala nħawi rikreattivi u siguri għar-residenti u mkien ekoloġiku għall-bdiewa.

Din l-inizjattiva tista’ tinkludi passaġġi għall-mixi, imkejjen għall-pikniks, tħawwil ta’ flora indiġena, u spazji għall-attivitajiet komunitarji, u dan skont il-linji gwida tal-Gvern rigward il-proġetti tat-tħaddir.

Il-Benefiċċji lill-Komunità

Jekk dawn l-inħawi tan-Nigret ikunu ppreservati dan jimpatta b’mod pożittiv immens il-kwalità tal-ħajja tar-resideni Żrieraq u l-eluf ta’ turisti u Maltin oħrajn li jżuruh is-sena kollha.

Jagħti wkoll is-serħan il-moħħ tant meħtieġ bħalissa minn żvilupp urban eċċessiv, itejjeb il-kwalità tal-ħajja, u jikkontribwixxi għall-konservazzjoni tal-bijodiversità. Dan l-ispazju kapaċi joffri opportunitajiet edukattivi dwar il-flora u l-fawna, u jkun jista’ jippromwovi il-benessri mentali u fiżiku bis-saħħa ta’ attivitajiet fuq barra.

Fl-aħħar mill-aħħar, jippreserva l-istorja u l-karattru li l-art tat lil Malta u lill-Maltin.

Il-Konklużjoni

L-Għaqda Residenti taż-Żurrieq temmen bis-sħiħ li l-proposta tagħna timxi paripassu mal-wegħda mġedda tal-Gvern dwar id-direzzjoni ambjentali tal-pajjiż u l-bini sostenibbli. Ħerqanin li nirċievu tweġiba pożittiva, u nixtiequ naħdmu magħkom fuq din l-inizjattiva sabiex inżommu lil raħalna sabiħ u lill-komunità vibranti.