Il-Kollettiv

View Original

L-Arja ta’ Byron

Id-deportazzjoni ta' Kusi Bismarck hija l-mod bażwi kif Byron Camilleri jaħseb li qed jagħti l-eżempju lil immigranti oħra biex ma jersqux lejn Malta.

Ritratt: Maltatoday

Bħala tarbija b'setgħa fuq il-Pulizija, Camilleri mingħalih li l-ispettakli li jagħmel bl-immigranti se jixxandru madwar l-Afrika.

Kieku l-pulizija taħt Camilleri wriet l-istess żelu fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika, jew imqar l-evażjoni fiskali, aktarx li kien ikollna bżonn estensjoni tal-ħabs (tħajjar Ministru, tender kbir dak).

Iżda Camilleri mhu xejn ħlief bully, tifel bla prinċipji li spiċċa fi ġlekk (li joqgħodlu qisu velu fuq vażun) u kultant jilbislek high lighter, għax jispirah Salvini. Fil-fatt, Camilleri huwa dak li, f'partit ta' neoliberali bla sinsla, jersaq lejn il-lemin sempliċiment biex juri lil kulħadd li liebes żarbun bit-tromba.

Il-karriera politika tiegħu serviet biss biex tiżdied il-mibegħda lejn l-immigranti, sforz il-logħob bil-ħajja tagħhom fit-tama li jikseb iżjed saħħa fil-partit; intant, il-Korp bla snien jgħaddi ħinu jitlob l-għajnuna lill-pubbliku biex jinstabu dawk li huma tassew ħatja.

Ministru, j'alla xi darba tirċievi lura farka mid-dwejjaq, id-disprament u t-tbatija li minnhom għaddejt eluf ta' persuni, sempliċiment minħabba l-ambizzjonijiet politiċi tiegħek.

Se niftakruk bħala "a small man", li ma tfissirx "raġel żgħir."