Il-Kollettiv

View Original

L-ewwel pass għal riforma elettorali

Il-Kollettiv qed iniedi kampanja għal riforma tas-sistema elettorali sabiex jiżgura demokrazija li tkun tassew rappreżentattiva. Il-grupp qed jiġbor il-firem tal-pubbliku permezz tas-sit tal-Parlament ta’ Malta, fejn qed jitlob li jinfetaħ minnufih proċess ta’ konsultazzjoni nazzjonali bl-għan li r-riforma ssir tul din il-leġiżlatura.

EN VERSION HERE

Permezz ta’ din il-petizzjoni il-Kollettiv irid jagħti vuċi lill-143,028 votant li fl-elezzjonijiet Maltin għall-Parlament Ewropew ta’ nhar is-Sibt 8 ta’ Ġunju 2024 għażlu li jivvutaw għal kandidati indipendenti, għal partiti żgħar jew inkella li jastjenu. Miġbura flimkien dawn jikkostitwixxu 38.6% tal-elettorat Malti u Għawdxi kollu. Minn dawn, 33,102 vvutaw għall-kandidati indipendenti jew partiti żgħar, jiġifieri 12.7%.

Kważi 13% tal-elettorat ivvota lill-kandidati indipendenti: l-ekwivalenti ta’ 10 siġġijiet f’Parlament ta’ 79 deputat.

Dan juri kemm il-profil tal-votanti Maltin kull ma jmur qed jinbidel u kemm il-poplu qed ibiddel fehemtu minn elezzjoni għal oħra. Madankollu, minkejja dawn il-bidliet fil-preferenzi tal-elettorat, il-liġi elettorali għadha l-istess għal dak li kienet. Bis-sistema attwali, il-kandidati jridu jiksbu 16.7% tal-vot fuq livell ta’ distrett sabiex jiġu eletti.

Il-petizzjoni ġiet imressqa minn Cyrus Engerer, viċi-Segretarju ta’ Il-Kollettiv, mid-Deputat Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà Claire Azzopardi Lane u l-attivist Omar Rababah.

“Demokrazija turi kemm hi b’saħħitha meta tisma’ liż-żgħir u ttih vuċi, u dan mhux madwar l-elezzjonijiet biss,” qalu l-awturi. “Meta nanalizzaw il-perċentwal ta' dawk li vvutaw lill-indipendenti jew lill-partiti ż-żgħar, it-12.7% jissarraf f'10 siġġijiet fil-Parlament nazzjonali kompost b'79 siġġu kif inhu llum. Ir-realtà pero hi li bis-sistema tal-lum li tagħti vantaġġ liż-żewġ partiti l-kbar, l-ebda kandidat indipendenti jew ta' partit żgħir ma jkun elett.”

“F’kull elezzjoni diversi esponenti tal-partiti l-kbar jisħqu li vot għall-partiti ż-żgħar hu vot moħli. Wara li 143,028 votant fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew għażel li jivvutax lill-partiti li jinsabu fil-Gvern jew fl-Oppożizzjoni, huwa ż-żmien li dawn il-membri tal-elettorat jiġu rappreżentati fid-demokrazija. Permezz ta’ din il-petizzjoni il-pubbliku għandu l-opportunità juri li jrid jiġi rappreżentat fl-amministrazzjoni tal-pajjiż.”

Il-petizzjoni titlob lill-Kamra tad-Deputati sabiex:

1. Jinfetaħ mill-aktar fis, u waqt din il-leġiżlatura, proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ dwar is-sistema elettorali kurrenti;

2. Tiġi diskussa, bħala prinċipju, l-introduzzjoni ta’ kwota (threshold) nazzjonali li tippermetti r-rappreżentanza sħiħa tal-elettorat Malti;

3. Jinfetaħ proċess sħiħ li jwassal għal riforma elettorali li tippreżenta sistema iżjed ġusta sa mill-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.

Il-pubbliku jista’ jaċċessa u jiffirma l-petizzjoni bil-Malti jew bl-Ingliz. Wara dan se tirċievi email sabiex tivverifika l-firma tiegħek. Kun żgur li tagħfas il-ħolqa f’din l-email biex il-firma tiegħek tkun inkluża mal-petizzjoni.

Persuni, għaqdiet jew partiti li jixtiequ jidħlu f’kuntatt sabiex jissieħbu ma’ din il-kampanja jistgħu jagħmlu dan billi jikkuntattjaw lill-Kollettiv fuq kollettiv@gmail.com.