Il-Kollettiv

View Original

Ħofor fl-Inkjesta

Dalgħodu fit-Times tkellmu Mark Gauci, ex-kap tal-OHSA, u Karl Azzopardi (ex-BCA, imbagħad INDIS). Skont dawn, il-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika fuq il-mewt ta' Jean Paul Sofia huma żbaljati.

Għandi ftit dubji u mistoqsijiet fuq l-inkjesta jien ukoll. Inħoss li l-inkjesta daret bir-reqqa l-kantunieri kollha li strettament għandhom x'jaqsmu mal-mewt ta' Sofia; mir-rapport ma toħroġ ebda ħtija kriminali ġdida, iżda ħafna responsabbiltajiet politiċi x'jinġarru.

Madankollu, fejn jidħol il-bqija tas-settur, ħafna veritajiet ma ħarġux.

Fid-dawl ta' dan, l-inkjesta sejħet lill-ex Ministru għall-Ippjanar jixhed darbtejn, iżda minkejja l-kritika tagħha lejn INDIS, Lands u Malta Enterprise, Silvio Schembri qatt ma tela' jixhed. Għalfejn? Ladarba l-Perit David Xuereb ġie kkritikat għax ma jafx x'inhu jiġri fl-OHSA, tajjeb inkunu nafu l-Ministru jafx x'inhu għaddej fid-dekasteru tiegħu.

Bl-istess mod, filwaqt li Mark Gauci jħoss li l-kritika lejn Xuereb hija eċċessiva, jien inħoss li l-inkjesta ma tafx sew il-fatti fuq Michael Ferry, kap tal-BICC/BRO għal għoxrin sena, li ħareġ jidher ta' eroj bis-saħħa tat-testimonjanza ta' Martin Debono.

Kieku l-inkjesta ġietha l-ħajra, kienet tintervista lill-vittmi tal-inċidenti tal-2019 u tieħu stampa iżjed korretta ta' Ferry; u kienet tintervista periti u attivisti indipendenti fuq ir-rwol ta' Debono fl-ippjanar.

L-inkjesta ma intervistatx lanqas lil Sandro Chetcuti, ex-kap tal-MDA, li fl-2019 kien mar jiġbor lil Ferry mill-uffiċċju u wasslu fuq is-sit ta' inċident f'Santa Venera bil-karozza. Ikun interessanti nkunu nafu xi rwol kellha l-MDA fir-regoli tal-2019 u speċjalment fir-rigward tar-reġistru tal-kuntratturi.

U, fuq kollox, min kiteb il-liġijiet tal-2019 fuq is-Site Technical Officer u tal-2021 li tistabbilixxi l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni? Għalfejn ma ġiex interpellat l-avukat/perit Robert Musumeci, awtur ta' dawn il-liġijiet li ħlew tal-inqas ħames snin lis-settur, u ħlew ukoll ħafna ħajjiet?

Għalfejn ma telax jixhed Ian Borg, Ministru tal-Ippjanar li ordna li toħroġ ir-riforma tal-2019 (li saret fi spazju ta' ġimgħa)?

Għalfejn ma telax jixhed Aaron Farrugia, il-Ministru li ppermetta l-binjiet ta' ħames sulari f'żoni industrijali, u l-bini tagħhom permezz ta' DNO?

Sadanittant, waqt ix-xhieda tiegħi f'Ottubru l-Imħallef Zammit McKeon waqqafni milli nagħmel referenza għall-operat tal-ġudikatura, għax ma riedx "li joqgħod jgħaddi messaġġi liċ-Chief Justice" u qalli biex ngħaddihomlu jien.

Jien aċċess għaċ-Chief Justice m'għandix u ma nixtiequx, biss is-sottomissjonijiet li għaddejt dwar l-inkosistenza tal-ġudikatura u tal-pulizija f'każijiet ta' mwiet ta' kostruzzjoni ġew injorati, kif ġew injorati sottomissjonijiet dwar l-ammont ta' inkjesti maġisterjali miftuħin u li jinvolvu żviluppaturi kbar u ħaddiema mejtin.

Kont ġejt imwissi li l-McKeon iħobb jgħajjat, iżda nibqa' niftakar kumment li għaddieli persuna li kien fis-sala: "xi ħaġa hekk qatt ma rajtha mingħandu..."

Diżappuntat mhux tant minħabba x-xhieda tiegħi - la nsib il-ħin nippubblikaha bis-sħiħ - iżda għax jidher li hemm interess li ċertu dnubiet tas-settur ma joħorġux, minkejja l-kobor tat-traġedja li qed tiġi investigata.

L-inkjesta ċanfret lil xi individwi mingħajr ma kellha l-istampa kollha, u nħoss li fil-konklużjonijiet tagħha injorat għal kollox is-sitwazzjoni ta' residenti, ċittadini, u familjari tal-vittmi tal-kostruzzjoni.

L-inkjesta tinjora wkoll il-kuntest wiesa' li fih ġrat il-mewt ta' Sofia, u ta' Miriam Pace, Hayrettin Kok, Karmenu Micallef, Diedie Coulibaly u għexieren ta' ismijiet oħra.

Sa issa ma hawn ebda awtorità li tistaqsik minn fejn ġibt it-tmien mitt miljun biex tibni torri.

Huwa ovvju li hawn pressjoni biex ix-xogħol tal-kostruzzjoni jibqa' għaddej akkost ta' kollox, għax hawn flejjes jaħarqu li jridu jsiru konkrit qabel jerġgħu jsiru flus.

Jekk l-inkjesta injorat id-deregulazzjoni għaġġelija tal-aħħar għaxar snin, fejn tfaqqru s-setgħat tal-awtoritajiet u tneħħew il-kontrolli kważi kollha, ifisser li injorat il-kawża ewlenija tal-qtil ta' Sofia: il-flus.