Orfni tal-Labour

Alex Agius Saliba forsi ma jafx kemm hi ta' għajb għal ħafna Laburisti r-reintegrazzjoni ta' Joseph Muscat; ma kienx hawn fl-2019 biex jisma' lil dawk li ma' dak it-tip ta' ħmieġ fil-partit ma riedux ikollhom x'jaqsmu.

Hija doppjament insolenti l-għażla ta' Silvio Schembri bħala kelliem; bniedem li mal-valuri Laburisti m'għandu x'jaqsam xejn, anzi f'għajnejn ħafna Laburisti huwa l-kontinwità bejn il-ħmieġ ta' żmien Muscat u dak ta' żmien Abela (infakkar li għaddiet ġimgħa sħiħa mill-inkjesta fuq il-qtil ta' Sofia, u Schembri flok riżenja ngħata promotion). Tgħid SS sejjer biex jitkellem kontra l-importaturi tal-ikel?

Ironija finali, Agius Saliba se jistieden 'l Alfred Sant jitkellem: dak li għamel sforz biex inaddaf partit mill-korrotti u l-vjolenti tat-tmeninijiet issa se jkollu jirritorna fuq palk mal-kwalità ta' nies li kien keċċa snin u snin qabel.

Muscat għandu jiġi bojkottat, għax f'dan il-każ speċifiku, il-passat huwa garanzija tal-futur.

Nibqa' nemmen li l-Laburisti ta' rieda tajba jistħoqqilhom dar aħjar mill-Partit Laburista. U jekk hemm bżonn naħdmu għaliha, ejja nxammru l-kmiem. Jekk ma nagħmlu xejn, se nħallu l-amministrazzjoni tal-pajjiż tinħataf minn kompetizzjoni bejn żewġ marmalji mċappsin bil-korruzzjoni.

Previous
Previous

Il-Minestra mhux tajba msaħħna

Next
Next

Ħofor fl-Inkjesta