Il-Kollettiv

View Original

Rebħa għar-Residenti fil-Qrendi u l-Imqabba

Ilbieraħ waqt avveniment għall-kampanja elettorali fiż-Żurrieq, il-Prim Ministru ħabbar li se tiġi rtirata l-applikazzjoni biex jinbena impjant tat-tarmak fil-konfini bejn il-Qrendi u l-Imqabba.

L-impjant kellu jinbena inqas minn 500m bogħod mir-residenzi, u kemm il-Kunsilli kif ukoll ir-residenti tal-Qrendi u l-Imqabba saru jafu bl-applikazzjoni ftit ġimgħat biss qabel kellha tinstema’ quddiem il-PA.

Il-Ħadd, 23 ta’ Novembru, ra lir-residenti tal-Qrendi u oħrajn mir-reġjun jiltaqgħu kontra l-bini ta’ impjat tat-tarmak f’nofs djarhom.

Ftit jiem qabel laqgħa bejn il-Kunsilli Lokali u l-Awtorità tal-Ippjanar, konna staqsejna kif il-case officer ma ndunax b’binjiet ġodda li telgħin f’raġġ ta’ inqas minn 500m minn fejn kellu jinbena l-impjant, kif irrakkomandaha għall-approvazzjoni minkejja din l-informazzjoni traġikament skorretta, u fuq kollox kif ħadd ma kien jaf b’xejn b’dan l-impjant, minħabba li l-applikazzjoni saret fi żmien il-pandemija meta kulħadd kien imsakkar f’daru.

Jumejn wara, fl-4 ta’ Diċembru, l-Awtorità tal-Ippjanar ħassret din il-laqgħa mingħajr ma tat raġunijiet.

L-applikazzjoni kienet tressqet minn BIP Ltd, kumpanija ta’ wlied il-kuntrattur tat-toroq Karmenu Penza, li huwa wieħed mill-iżjed kuntratturi mfittxija mill-Gvern għax-xogħlijiet. L-impjant fl-Imqabba kellu jiġi rilokat minn Ħal Far wara ftehim li ntlaħaq minn taħt ma’ Silvio Schembri, li minn dakinhar m’għadux Ministru għall-Artijiet iżda għadu responsabbli mill-INDIS. Ilbieraħ, Abela faħħar lil Schembri talli sab soluzzjoni, mingħajr ma qal li l-problema ħoloqha l-istess Ministru.

Fl-2019, l-ERA kienet waqqfet impjant tat-tarmak f’Ħal Far milli jopera minħabba l-emissjonijiet ta’ dħaħen suwed. Mhuwiex ċar kif l-istess awtorità ma sabet ebda problema bil-proposta li l-impjant jinbena inqas minn 500m mid-djar tar-residenti.

F’Novembru tal-2023 saret protesta tar-residenti fil-pjazza tal-Qrendi, fejn inġabru residenti u Sindki anke tal-Imqabba, is-Siġġiewi u ż-Żurrieq fost l-oħrajn.

“Tul is-sena l-oħra konna ġġilidna kontra din l-applikazzjoni permezz ta' numru ta' inizjattivi li għaqqdu lil dan ir-raħal f'għajta waħda. Ħadna gost bl-appoġġ li rċevejna minn għaqdiet tar-residenti, mill- Kunsill Lokali tal- Qrendi u Kunsilli Lokali tal-irħula ġirien tagħna, xhieda tal-importanza tal-ħidma kollettiva,” qal Ronald Micallef, rappreżentant tar-residenti tal-Qrendi.

Residenti mill-Qrendi u l-Imqabba, flimkien mas-Sindki tal-irħula tagħhom, jipprotestaw kontra l-impjant propost minn BIP. Ltd.

Nemmnu li proposta bħal din messha ma saret qatt, u li l-awtoritajiet għandhom jaħdmu biex jippreżervaw il-kwalità tal-ħajja tagħna, residenti tal-Qrendi, kif ukoll tar-residenti tal-irħula kollha ta' Malta. Filwaqt li nirringrazzjaw lil kulmin għen sabiex din l-applikazzjoni tiġi rtirata, se nibqgħu viġilanti fuq dak li għaddej fir-raħal tagħna.”