Il-Kollettiv

View Original

Riformi u Realtajiet

Sentejn ilu, meta r-residenti ta’ Marsaskala rebħu l-ġlieda kontra l-marina – mostru tal-baħar li kien se jibla’ spazju tal-komunità – kelli l-unur dubjuż li nkun taħt tinda tal-Partit Laburista biex nisma’ lill-Prim Ministru jirtira l-proġett.

Qrendi, Novembru 2023: azzjoni indipendenti tar-residenti tlaqqa’ numru ta’ rħula tal-Punent kontra proposta biex jinbena impjant tat-tarmak. L-applikazzjoni bħalissa tinsab wieqfa.

Ritratt: Il-Kollettiv

Waħda mill-ikbar lezzjonijiet ta’ dawk iż-żminijiet kienet li tassew xejn ma hu impossibbli; iżda dak li laqatni l-iżjed kien il-fatt li r-residenti baqgħu magħqudin, u wrew li mid-diffikultajiet jinbtu affarijiet sbieħ.

Illum din l-għaqda għandha nukleu ta’ residenti li jagħmlu kampanji dwar ċittadinanza attiva, laqgħat informattivi u meta jkun hemm bżonn, jipparteċipaw f’azzjonijiet ta’ protesta bħalma hi l-kampanja sabiex l-ispazji pubbliċi jerġgħu jingħataw lill-pubbliku. L-ikbar suċċess tagħhom kien li għafsu sabiex jinbidlu l-Local Plans u f’Marsaskala ma tkunx tista’ tinbena marina, tant li l-Prim Ministru, għallinqas bil-kliem, riċentament ikkonferma li hekk se jagħmel.

B’mod simili, l-Għaqda Residenti taż-Żurrieq twieldet bħala parti minn reazzjoni qawwija kontra l-iżvilupp propost fin-Nigret, u qed taħdem b’mod attiv kontra l-applikazzjoni biex tiġi żviluppata medda ta’ art enormi f’Tal-Bebbux. Il-lokalità hija mdawra b’numru kbir ta’ applikazzjonijiet għal rezoning, daqslikieku min kiteb il-local plans xtaq li ż-Żurrieq isir Far West ieħor ta’ bini u spekulazzjoni.

F’dawn is-sitwazzjonijiet – bl-istess mod kif qed jiġri f’Birżebbuġa u s-saga ta’ Wied Żnuber – joħroġ biċ-ċar li l-battalji tar-residenti mhumiex biss kontra l-iżvilupp sfrenat, iżda anke kontra l-kundizzjonijiet li jippermettu dan kollu: appuntu, il-Local Plans, u l-liġijiet tal-ippjanar.

Nistgħu ngħidu li qed jiġri l-istess f’oqsma oħrajn ukoll. Ilbieraħ ħarġet l-aħbar dwar multa miżera li ngħatat lil tliet persuni ħatja li involontarjament ikkawżaw il-qtil ta’ żagħżugħ ta’ dsatax-il sena.

Mewta oħra fuq il-post tax-xogħol, deċiżjoni xokkanti oħra tal-Qrati. Jista’ jkun hemm l-attenwanti kollha tal-każ – “skużi”, fi kliem li ma jitkellmux l-avukati; iżda jekk l-ogħla istituzzjoni li tamministra l-liġi f’pajjiżna tagħti valur ridikolu ta’ €26,000 lill-ħajja ta’ tfajjel ta’ dsatax, hemm xi ħaġa ħażina ħafna fis-sistema.

Hija l-istess sistema li tinkludi liġijiet antikwati, mentalitajiet diskriminatorji, għażż u demotivazzjoni fl-infurzar, u anke korruzzjoni; l-istess jista’ jingħad fuq id-drittijiet tal-ħaddiema, fejn ma jeżistux liġijiet li jrażżnu l-isfruttament tal-aġenziji ta’ reklutaġġ, u kellha tkun l-iskumdità tal-opinjoni pubblika li wasslet biex il-Gvern jieħu azzjoni.

Hija weġgħa ta’ qalb, fiż-żminijiet ta’ CEOs imħallsin qrib il-€100,000 u l-isparpaljar tal-fondi tat-turiżmu, li l-fenomenu tan-nies mingħajr saqaf qed jiżdied; li minkejja l-ġid kollu li nħoloq huwa irħas tagħmel xirja minn Sqallija milli minn supermarkit f’Malta, fejn jinbet wieħed ġdid kull xahrejn; li n-nies imutu f’isem ekonomija li tħaddem lill-maġġoranza, iżda taħdem biss għall-bwiet ta’ minoranza ċkejkna.

Il-kontradizzjonijiet tal-miraklu ekonomiku Malti joħorġu mill-mod kif fl-art tax-xaba’, il-liġijiet jipproteġu lil min iċ-ċintorin ilu li ħallu, u jiddeċiedu kontra l-vittmi.

Huwa ż-żmien li nitkellmu fuq riformi tal-bosta liġijiet u proċessi li jirregolaw il-ħajja tagħna ta’ kuljum, bl-istess mod li jeħtieġ li jsir id-diskors dwar il-kwistjonijiet, il-famużi “issues”, li l-politika ilha li abbandunat għal mudell ta’ ggvernar iżjed komdu, dak tal-bejgħ tar-riżorsi pubbliċi lill-interessi privati.

Ir-rebħiet li nkisbu bil-protesta huma parti minn legat li l-attiviżmu huwa obbligat iħalli lir-residenti ta’ Malta u Għawdex, u lil dawk li jżuru Kemmuna. Sabiex dak il-legat ikun finali, irridu naħdmu biex jinbidlu l-kundizzjonijiet li jippermettu t-tnaqqir tal-ġid komuni, id-diskriminazzjoni, u l-faqar.

F’ħafna oqsma, jeħtieġ li l-attiviżmu jkun iżjed preżenti għad-diskussjonijiet, filwaqt li jartikola biċ-ċar l-aġenda tiegħu. Dan id-dibattitu mal-politika huwa kruċjali, fi żmien fejn l-elettorat huwa demotivat miż-żewġ partiti l-kbar, u fejn huwa kbir ir-riskju li jinbtu forzi koroh bl-iskuża li jinħtieġ tielet partit.

Ħafna wrew entużjażmu għall-aħbar li l-Kollettiv qed jikkunsidra joħloq partit politiku; nifhmu sew għalfejn. Iżda sakemm naslu għal dak il-pass hemm ħafna xi jsir, primarjament, billi nkomplu naħdmu fuq l-għoti tas-setgħa lill-komunitajiet li fid-diversità tagħhom jiffurmaw is-soċjetà Maltija.

It-tweġiba għall-allegata apatija tal-Maltin tinsab fil-ħeġġa li biha organizzaw irwieħhom numru ta’ residenti u għaqdiet, xhieda tal-importanza tal-ħidma kollettiva li ssir b’mod ġenwin u maħsub, u li tkun parti mir-realtajiet li jiffaċċjaw il-membri ta’ dawn il-komunitajiet.

Għal dak il-pass fadal żmien.

L-għodod demokratiċi bħalissa jinsabu f’idejn kasta żgħira ta’ interessi b’saħħithom, u dan huwa rifless fl-awtoritajiet prattikament ineżistenti, u f’istituzzjonijiet li tant ftaqru fis-sinifikat li faċli titlef ir-rispett lejhom.

Għalhekk irridu niġġieldu biex nieħduhom lura, u jkollna leħen fid-deċiżjonijiet li jaffettwawna. Dan m’għandux isir biss waqt il-perjodu tal-elezzjonijiet jew tal-protesti. Biex nagħmlu dan, il-ħidma kollettiva f’kull qasam hija essenzjali mhux biss bħala fattur ta’ għaqda bejn l-individwi, iżda anke għax permezz tagħha s-setgħa tingħata lir-residenti, ċittadini, u eletturi ta’ dan il-pajjiż.

Il-prijorità tagħna issa hija li ndawru l-attenzjoni fuq dak li verament qed iseħħ madwarna, u li nkunu preżenti fid-dibattitu dwar il-kwistjonijiet importanti bis-serjetà li tistħoqq il-politika, dik li tiddeċiedi l-ħajja tagħna ta’ kuljum, issa u fil-ġejjieni.