Il-Kollettiv

View Original

Silġ fuq Kemmuna?

Il-Kollettiv jilqa' d-dikjarazzjonijiet tal-Ministru Clint Camilleri fil-Parlament fir-rigward tal-iżvilupp ta' lukanda ġdida fuq Kemmuna.

Il-Kollettiv, flimkien ma' eluf oħra, ma jara ebda sens fl-iżvilupp propost minn Hili Group, ħlief dak li tiġi pprivatizzata darba għal dejjem il-gżira ta' Kemmuna, li diġà hija inaċċessibbli għal ħafna minħabba r-rassa ta' turisti fil-bajjiet, l-għeluq tal-aċċess fil-bajja ta' San Niklaw, u l-abbuż tal-operaturi tal-umbrelel.

Nieħdu nota tal-fatt li l-Ministru Camilleri, bħala ministru għal Għawdex u għall-Ippjanar, iġorr responsabbiltà doppja fuq Kemmuna, u għalhekk, anke ta' kliemu. Fl-istess waqt, nistaqsu ruħna jekk dak li ntqal minnu hux maqbul mal-Prim Ministru, li wera interess mhux daqshekk moħbi li l-proġett ta' Hili jsir.

Nemmnu li għalkemm tard, id-direzzjoni - jew nuqqas tagħha - tal-Gvern fuq proġetti bħal dawn għandha tinbidel, u li l-kunsiderazzjoni tal-awtoritajiet għandha tmur mhux lejn il-flejjes li qed jinvestu l-kbarat tan-negozju, iżda lejn il-poplu u l-kwalità tal-ħajja tiegħu.

Il-Kollettiv se jibqa' impenjat f'diskussjonijiet u azzjonijiet sabiex proġetti bħal dawn, li jispekulaw fuq ir-riżorsi u l-kwalità tal-ħajja tal-pubbliku, ma jarawx id-dawl.