Il-Kollettiv

View Original

Talba għall-garanzija kontra ebda marina

Il-Marsaskala Residents Network (MRN) bagħat ittra lill-Prim Ministru Robert Abela, sabiex il-bajja tal-lokalità tkun imħarsa mill-iżvilupp ta’ kwalunkwe marina fil-futur.

Ritratt: Times of Malta

L-MRN irreferiet għas-sentenza mill-Qorti tal-Appell fl-1 t’Awwissu li għadda, fejn ġie rrifjutat żvilupp fil-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien fil-Qala, Għawdex. Wara d-deċiżjoni, Abela kien wiegħed li se jitnieda proċess ta’ tibdiliet legali sabiex jassigura li kull tip ta’ żvilupp fiż-żona ma jseħħx.

Ir-residenti talbu li jsir l-istess f’Marsaskala, billi jibda proċess sabiex il-bajja ma tibqax identifikata bħala post fejn hu possibbli li ssir yacht marina.

Fl-ittra, l-MRN tgħid li minbarra l-impatt ambjentali fuq il-Magħluq, il-bajja, u l-bijodiversità protetta tagħhom, il-marina kienet ta’ theddida għall-attivitajiet ekonomiċi fiż-żona, partikolarment dawk relatati mas-sajd u t-turiżmu kostali.

Il-ħajja soċjali tal-Iskalin, li jgawdu għax-xatt fejn iwettqu ħafna mill-attivitajiet personali, soċjali, sportivi u kulturali tagħhom, ukoll kienet taħt theddida serja.

L-MRN fakkar kif fit-23 ta’ Frar tal-2022, qabel l-elezzjoni, Abela kien ħabbar il-waqfien tal-proċess tal-marina b’mod permanenti, u wiegħed li dan l-iżvilupp kien qed ikun eskluż b’mod kategoriku. Din l-aħbar kienet ġiet milqugħa tajjeb ferm mir-residenti, li issa qed jitolbu l-formalizzazzjoni ta’ dik il-wegħda.