In-Numri tal-Isfruttament

Statistika ppreżentata fil-Parlament tindika li iżjed minn 1,600 impjegatur kiser ir-regoli relatati mal-impjieg ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi (TCNs). Kwart minn dawn l-impjegaturi huma operaturi fis-settur tal-ospitalità.

Ritratt: timesofmalta.com

Il-figuri, ippreżentati mill-Ministru Byron Camilleri bi tweġiba għal mistoqsija parlamentari ta’ Graziella Attard Previ (PN) juru kif minn total ta’ 1,695 impjegatur li kien qed jirrekluta l-ħaddiema b’mod illegali, 436 ġejjin mis-settur tal-ospitalità, filwaqt illi il-bejgħ bl-imnut (retail and wholesale) - li jinkludi t-tiswija ta’ vetturi u muturi - huwa t-tieni l-iżjed settur fejn insibu abbuż (267 impjegatur irregolari). L-amministrazzjoni (179) u l-kostruzzjoni (168) jagħlqu din it-tabella tal-mistħija.

Kien hemm ukoll żieda fin-numru ta’ impjegaturi li jabbużaw mid-drittijiet tal-ħaddiema: filwaqt li fl-2021 inqabdu 1,060 impjegatur irregolari, fl-2021 din il-figura telgħet għal 1,446 (+36%) fl-2022, u għal 1,695 (+17%) fl-2023; l-abbuż żdied wara t-tmiem tal-pandemija u r-ritorn lejn “in-normalità.”

Sa minn dakinhar, skont il-Ministru Camilleri, 88% tal-impjegaturi kienu rregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom.

In-numri li ħarġu mill-Parlament, madankollu, jikkonfermaw xejra perikoluża fir-rigward tad-drittijiet tal-ħaddiema. Kif huwa l-każ bl-aġenziji ta’ reklutaġġ, dawn tħallew joperaw għal numru ta’ snin sakemm il-Gvern iddeċieda li jdaħħal il-liċenzjar u r-regolarizzazzjoni tal-aġenziji. Madankollu, dan il-pass mhuwiex suffiċjenti biex jiggarantixxi ħajja deċenti lill-eluf ta’ ħaddiema li qed jiġu importati minn dawn l-aġenziji - u mill-klijenti tagħhom - biex isibu li r-realtà hija ferm differenti minn dak li jiġu mwiegħda.

Parti mir-raġuni għalfejn l-isfruttament tal-ħaddiema huwa prattikament inkoraġġit mill-istat huma l-politiki tal-istess Camilleri fir-rigward tal-immigrazzjoni. Fost dawn, it-Ten-Day Policy, li tistipula li persuna minn pajjiż terz li titlef l-impjieg tagħha għandha tintbagħat lura lejn pajjiżha jekk ma ssibx impjieg ġdid fi żmien għaxart ijiem. Minbarra li huwa diffiċli ħafna għal kulħadd isib impjieg ġdid fi żmien tant qasir, din il-politika tħeġġeġ l-abbuż mill-impjegaturi, li jafu li l-ħaddiema li jirriskjaw li jintbagħtu lura lejn pajjiżhom ikunu lesti jaċċettaw ħlas miżeru u mingħajr karti jew forom ta’ protezzjoni.

Barra minn hekk, f’suq fejn il-ħaddiema barranin huma kumdità li qed tiġi sfruttata, kull ħaddiem ġdid li jasal f’Malta qed jippremja lill-aġenziji b’kummissjonijiet li jistgħu jilħqu 50% tal-paga ta’ kull xahar, minbarra spejjeż relatati mal-ivvjaġġar u l-akkommodazzjoni.

Minkejja numru ta’ rapporti li juru biċ-ċar kif il-ħaddiema qed jiġu sfruttati, il-Gvern ftit li xejn jidher li huwa interessat jibdel din il-policy li tikkawża ħsara konsiderevoli lill-ħaddiema u d-drittijiet tagħhom.

Ara wkoll: Vittmi tal-Kostruzzjoni EP4 (1) u EP 4 (2) fejn nitkellmu ma’ Christian Inkun minn YMCA Malta dwar il-fenomenu tal-isfruttament tal-ħaddiema.

Wayne Flask

Wayne Flask, segretarju ta’ Il-Kollettiv, ilu involut fl-attiviżmu mill-2017, b’interess fi kwistjonijiet ta’ natura lokali u reġjonali. Huwa wkoll opinjonista ta’ The Times of Malta u produttur tad-dokuserje Vittmi tal-Kostruzzjoni.

Previous
Previous

Dak li s-Sindku nesa jgħid

Next
Next

Total Football (3)