Umiltà, Dinjità u Organizzazzjoni

Resident minn kull ħamsa f’Malta jinsab fir-riskju tal-faqar.

Iż-żgħażagħ Maltin ma jaffordjawx saqaf fuq rashom f’pajjiżhom stess.

Il-wegħdiet ta’ spazji miftuħa ssarrfu fil-privatizzazzjoni tagħhom, mill-bankini sal-bajjiet; xhieda ta’ kif ir-riżorsi ta’ pajjiżna qed jitqassmu fost il-kbarat mingħajr interess lejn il-ġid tal-komun.

Id-drittijiet ċivili – inkluża l-espressjoni ħielsa tal-identità tal-minoranzi – jinsabu taħt theddida minn sentiment ta’ mibegħda.

Hija evidenti l-ħtieġa li nbiddlu x-xejriet u nibdew nitkellmu dwar il-kwistjonijiet li verament jaffetwawna: dawk li jolqtu mhux biss il-but iżda anke s-saħħa u l-benessri tal-pajjiż u tal-poplu kollu.

In-numri li ħerġin minn kull stħarriġ elettorali juru biċ-ċar li d-diżappunt u l-isfiduċja ġenerali fis-sistema politika u l-atturi tagħha qed kulma jmur jikber; iżda dawn huma biss konferma tax-xewqa għall-bidla li hawn fost partijiet kbar mill-poplu.

Iżjed milli organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, il-Kollettiv jirrappreżenta l-mod ta’ kif nagħmlu l-attiviżmu tagħna. Nemmnu li r-rebħiet tal-passat għandhom sinifikat: għandhom ikunu l-pedament biex nifhmu aħjar kif għandna niffaċċjaw l-isfidi tal-preżent. Nemmnu li l-ħidma kollettiva tista’ twassal sabiex ir-residenti ta’ pajjiżna jieħdu lura l-għodod tad-demokrazija, maħtufa minn interessi privati, apatija, u medjokrità. 

Nixtiequ noħolqu spazju għal attiviżmu ġdid, li huwa iżjed attent għar-realtajiet soċjali tan-nies, u li għandu postu fil-ħajja politika Maltija.

Nemmnu li hemm potenzjal kbir fl-attiviżmu u l-volontarjat, u nemmnu li għandu jiġi msaħħaħ permezz, fost oħrajn, bit-tixrid u l-liberalizzazzjoni tal-informazzjoni, bis-solidarjetà, il-bini ta’ komunitajiet xprunati mill-ġid komuni li jgħaqqadhom, u meta jkun hemm il-ħtieġa, anke permezz tal-protesta.

Huwa għalhekk li l-Kollettiv qed jaħdem ma’ għaqdiet reġjonali u settorjali, li joperaw f’oqsma kruċjali għall-ġid komuni, bl-għan li nsaħħu l-komunitajiet u l-azzjonijiet tagħhom.

Inħeġġu lir-residenti ta’ Malta u Għawdex, hi x’inhi hi n-nazzjonalità tagħhom, sabiex jikkontribwixxu fil-ħidma kollettiva u nibnu mod ġdid kif issir il-politika f’pajjiżna. Nemmnu bis-sħiħ li t-tmexxija u l-kontroll tad-deċiżjonijiet għandhom ikunu tal-poplu u tal-komunitajiet li jiffurmawh.

Fix-xhur li ġejjin se niftħu l-bibien għas-sħubija, bil-ħsieb li dawk li jipparteċipaw jagħmlu dan mill-ħin u l-għarfien li jistgħu joffru, u mingħajr ma nieħdu riżorsi prezzjużi minn gruppi oħrajn.

Inqisu wkoll lis-settur tal-arti bħala wieħed kruċjali għall-komunitajiet tagħna, u l-Kollettiv se jibda jilqa’ fih lil dawk l-artisti li jixtiequ jagħmlu xogħol kollaborattiv li jħalli legat, żgħir kemm hu żgħir, fis-soċjetà ta’ madwarna.

Nemmnu fl-importanza ta’ arti skjerata favur id-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem, u li tkun lesta mhux biss tkellem lill-poplu, iżda tisma’ x’inhu jgħid ukoll.

Ħidma bħal din ma teħtieġ l-ebda kapijiet jew mexxejja. Biex nagħmlu dan kollu, jeħtieġ sens ta’ umiltà, daqsxejn dinjità, u ħafna organizzazzjoni.

25 ta’ April 2024

Jeanette Borg - President

Wayne Flask - Segretarju

Matthew Borg - Teżorier