Il-Mitjar f’Wied Żnuber
Il-kumitat tal-Għaqda Storja u Kultura Birzebbuġa ħa nota għad-diskors li għamel il-Prim Ministru l-Onor. Dr Robert Abela t-Tlieta 7 ta’ Novembru dwar l-iżvilupp ta’ mitjar tal-minjaturi f’Wied Żnuber.
F’dan id-diskors il-Prim Ministru qal li “Se nagħmlu bidla f’Wied Żnuber, fejn filwaqt li se niżguraw li l-proġett tad-dilettanti tal-ajruplani jsir iżda jiċkien, u niżguraw li l-buffer zone mal-wied, filwaqt li llum qiegħda fuq art industrijali tiġi ODZ.”
Infakkru li fis-16 ta’ Marzu 2022, propju ftit ġranet qabel l-elezzjoni ġenerali, meta mistoqsi mill-ġurnalisti, l-Prim Ministru wiegħed li “f’Wied Żnuber m’hu se jsir l-ebda żvilupp”. L-għada 17 ta’ Marzu, waqt żjara fuq il-monti ta’ Birżebbuġa, l-istess Prim Ministru mhux talli kkonferma li f’Wied Żnuber ma kien se jsir l-ebda żvilupp, talli mar pass oltre u assigura li “jekk jingħata l-fiduċja, Gvern Laburista ġdid se jkun qed jara ż-żona fid-dawra tal-wied tiġi ODZ.”
Nerġaw intennu l-pożizzjoni tagħna li dejjem kienet konsistenti.
L-attività tat-titjir tal-ajruplani maġenb u fuq sit ta’ Natura 2000 tmur kontra kull prinċipju li jikkostitwixxu dawn is-siti hekk kif stabbiliti fid-direttiva 92/43/EEC tal-Unjoni Ewropea. X’jiswa li jinħolqu siti ta’ Natura 2000 skont dak rikjest mill-Unjoni Ewropea, imbagħad l-istess siti naturali jiġu maħnuqa b’attività li tmur kontra kull prinċipju li għalihom ġew maħluqa? Għalhekk, bħalma fil-passat tentattivi sabiex tiġi żviluppata din l-art ma mmaterjalizzawx, hekk ukoll fuq l-istess prinċipji l-iżvilupp propost ma jistax iseħħ.
Għalhekk l-Għaqda Storja u Kultura Birzebbuġa, filwaqt li ssostni r-rispett li għandha lejn id-dilettanti tal-mudelli tal-ajruplani, terġa’ titlob lill-Prim Ministru sabiex iwettaq il-wegħda elettorali li għamel hu stess billi jiddikjara din il-porzjon ta’ art (li bi żball fil-passat ġiet inkluża maż-żona industrijali) bħala ODZ.
Il-Birżebbuġin u l-bqija tal-Maltin jibqgħu jemmnu fl-integrità tal-Prim Ministru! #savewiedznuber