Is-Sussidju għall-Iskejjel Indipendenti: L-Għajnuna Soċjali għall-Privileġġjati

Jekk qatt kien hemm dubju li l-kredenzjali soċjalisti tal-Partit Laburista intilfu mat-triq, dan id-dubju żgur li għeb meta l-Gvern għarraf lill-poplu li se jissussidja lill-iskejjel indipendenti, billi jqassam 27 miljun euro lil dawn l-iskejjel, wara li ntlaħaq ftehim mal-MUT dwar il-pagi tal-edukaturi.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima jħabbar is-sussidju lill-iskejjel privati, Ottubru 2024. Ritratt: The Times

Dan ifisser li l-Gvern issussidja lill-aktar faxxa privileġġjata tas-socjetà, minflok ma investa l-flus fl-iskejjel tal-istat u laħaq studenti u familji li żgur għandhom bżonn aktar għajnuna minn min jiflaħ iħallas l-eluf għall-edukazzjoni ta’ uliedu. Nista’ nidħol f’ħafna argumenti iżda se nikteb biss dwar uħud mir-raġunijiet għaliex il-Gvern qatt m’għandu jissussidja lil entitajiet privati, f’dan il-każ l-iskejjel indipendenti.

L-ewwel raġuni hija pjuttost ovvja. L-iskejjel indipendenti huma skejjel esklussivi li jilqgħu biss lil studenti minn familji li jifilħu jħallsu. Issa jekk dawn jagħmlux sagrifiċċji biex ilaħħqu mal-miżati – bħalma kien hawn min qalli – jibqa’ l-fatt li kienet għażla tagħhom u għal raġunijiet tagħhom li jibagħtu lil uliedhom f’dawn l-iskejjel.

Allura l-Gvern kien imissu ħaseb aktar fl-iskejjel “tiegħu” fejn l-istudenti jkunu milqugħa irrispettivament mill-klassi soċjali tagħhom. Diġà għandna sistema edukattiva li hija selettiva fuq bażi soċjoekonomika u l-azzjoni tal-Gvern kompliet issaħħaħ din l-inekwità. Kieku kien hemm ir-rieda li l-fondi pubbliċi jintefqu b’mod ekwu, setgħu ġew ikkonsultati l-għalliema u l-amministrazzjoni tal-iskejjel tal-istat, u żgur li kienu jagħtu ideat dwar fejn jistgħu jiġu investiti 27 miljun euro: mhux fi skejjel ġodda biss, imma f’sistemi ta’ sostenn akbar għall-istudenti, f’riżorsi umani, f’taħriġ intensiv dwar kif l-għalliema u l-amministrazzjoni jinnavigaw il-klassijiet u l-iskejjel li llum il-ġurnata huma, fost oħrajn, jinkludu diversità qawwija ta’ studenti.  

Il-prinċipju tal-iskejjel pubbliċi huwa li jkunu aċċessibbli għat-tfal kollha, mingħajr ma ħadd iħares lejn il-klassi soċjali, ir-razza, it-twemmin, il-ħiliet, u l-bqija. Meta l-istat isostni lill-iskejjel indipendenti finanzjarjament, dawn mhux neċessarjament ikunu qed jimxu fuq l-istess prinċipji tal-edukazzjoni pubblika. Għalhekk jissejħu selettivi; fil-każ tal-argument tagħna, selettivi fuq bażi soċjoekonomika.

Bl-għemil tiegħu, il-Gvern ċajpar mhux ftit il-prinċipju tal-inklussività u l-aċċessibbiltà universali għall-edukazzjoni. Dan jidher biċ-ċar għax mank talab li dawn l-iskejjel jagħtu xi ħaġa lura lis-soċjetà; b’hekk għallinqas kull min iħallas it-taxxa jara ftit tat-trasparenza f’kif intefqu dawn il-fondi pubbliċi.

Huwa ċar li wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ kull entità privata, bħalma huma l-iskejjel, huwa li jħarsu l-interessi ta’ ċerti gruppi ta’ nies. Dawn l-iskejjel infetħu biex jilħqu l-ftit, biex min għandu ċertu status soċjali ma jitħallatx man-nies komuni. Jekk inħarsu ftit lejn it-teorija tal-kapital ta’ Bourdieu naraw kif il-klassi soċjali tipprovdilek dak li ssejjaħlu il-kapital ekonomiku, li jissarraf f’dak soċjali u kulturali. Il-fatt li dawk li jattendu dawn l-iskejjel jaqsmu l-istess habitus u jibnu ċrieki ta’ ħbiberiji mill-istess klassi soċjali qajla jagħtihom l-opportunità li jsiru jafu nies minn ambjenti ferm differenti minn tagħhom.

Allura hemm aktar ċans li l-għanijiet soċjali wesgħin tal-edukazzjoni, bħall-ekwità fis-soċjetà, ma jingħatawx daqshekk importanza u joħolqu frammentazzjoni fis-sistema edukattiva. Imma aktar minn hekk, tikber ukoll il-frammentazzjoni fis-soċjetà, għax kull settur privileġġjat jaħdem biss għal dak li jidhirlu li huwa tajjeb għalih.

L-edukazzjoni pubblika hija meqjusa bħala ġid pubbliku għall-benefiċċju tas-soċjetà. Meta l-istat iqassam riżorsi pubbliċi lill-iskejjel privati, ikun qed jibgħat il-messaġġ li l-edukazzjoni pubblika, li jgawdu minnha l-maġġoranza tal-istudenti, mhijiex prijorità, u b’hekk in-nies tonqsilhom il-fiduċja fl-iskejjel tal-Gvern.

Ir-rwol tal-Gvern għandu jkun li jsaħħaħ l-edukazzjoni pubblika u li jiżgura li l-istudenti, huma min huma, għandhom aċċess għall-aħjar edukazzjoni possibbli, tkun xi tkun il-faxxa soċjoekonomika tagħhom. Mhuwiex il-lok tal-istat li jagħti benefiċċji soċjali lil min m’għandux bżonnhom, speċjalment meta dawn iridu l-għajnuna biex jibqgħu jżommu l-pożizzjoni tagħhom fl-elit.

Louise Chircop

Dr Louise Chircop hi lettur tas-Soċjoloġija tal-Edukazzjoni fi ħdan il-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta. Ir-riċerka tagħha tiffoka primarjament fuq id-diversità soċjali, speċjalment fejn tidħol l-edukazzjoni u d-dritt tal-istudenti għal edukazzjoni ekwa. Hija impenjata fis-settur tal-volontarjat għal dawn l-aħħar 17-il sena.

Previous
Previous

“L-Aqwa Budget.” Is it?

Next
Next

Activists Request NAO Inquiry in Villa Rosa, Mellieha Land Deals