Is-Safin jingħaqdu
Grupp ta' residenti minn Ħal Safi qed jorganizza konferenza stampa nhar is-Sibt, 25 ta’ Mejju fl-10.30 kontra l-applikazzjoni għal binja ta' ħames sulari fid-daħla tar-raħal.
Ir-residenti qed jingħaqdu kontra l-applikazzjoni PA/03176/22, fejn binja ta’ ħames sulari qed tiġi proposta minflok djar ta’ sular, f’żona ta’ konservazzjoni urbana (UCA). Bħal ħafna rħula oħrajn f'Malta, speċjalment fil-Punent ta’ Malta, Ħal Safi jinsab assedjat minn applikazzjonijiet ta' bini li se jirvinaw mhux biss l-estetika tar-raħal iżda anke l-ħajja trankwilla ta’ din il-lokalità.
Din il-konferenza qed tiġi organizzata u indirizzata mir-residenti tar-raħal li tul il-ġimgħa l-oħra għamlu sejħa għall-ħidma kollettiva fir-raħal tagħhom, fid-dawl mhux biss ta’ din l-applikazzjoni iżda anke ta’ oħrajn f’żoni oħra ta’ Ħal Safi.
Il-konferenza stampa se ssir fl-10.30 fi Triq San Pawl.