Qagħdiet Prekarji
M’ilux iltqajt ma’ ħabib antik. Sbatax-il sena ilu konna naħdmu flimkien ġo fabbrika bħala machine operators; dan qalli li wara das-snin kollha - tneħħi l-aġġustamenti tal-COLA - il-paga tiegħu baqgħet bejn wieħed u ieħor l-istess.
L-inflazzjoni, iżda, baqgħet tiżdied, u fost oħrajn sparaw il- kirjiet u l-prezzijiet tal-proprjetà.
Dan mhuwiex każ iżolat. L-Alleanza Kontra l-Faqar spiss tiltaqa’ ma’ persuni li ma jwasslux sat-tielet ġimgħa tax-xahar mingħajr impjieg part-time fuq dak full-time.
Il-ħaddiema f’Malta, l-aktar dawk li għandhom impjiegi li l-pagi tagħhom staġnaw hemm isfel, huma dawk li jaħdmu mit-Tnejn sas-Sibt mingħajr ma jifdal ħin għalihom stess.
Huma dawk li għandhom self mill-bank ma’ xie ilaħħqu, u li jafu li spiża mhux mistennija tista’ twaqqa’ id-dinja tagħhom. Ħafna minn ħinhom jittieħed minn preokkupazzjonijiet li jisparixxu kieku sempliċiment jirċievu paga aktar dinjituża.
Il-ħaddiema f’Malta huma dawk li m’għandhomx fejn iduru jekk isofru abbuż jew diskriminazzjoni fuq il-lant tax-xogħol; huma dawk li m’għandhomx post fuq il-mejda tan-negozjati; dawk li ma jistgħux jistrajkjaw għax ħadd ma jagħti kashom.
Il-ħaddiema jissemmew biss fil-frilli u fl-eloġji biex xi ħadd jgħid li qed jirrispetta d-data tal-Ewwel ta’ Mejju.
Immaġinak ħaddiem bil-paga minima sejjer lura lejn soddtok f’garaxx, jew f’supermarket tikkumbatti sal-aħħar ċenteżmu biex tixtri l-prodotti essenzjali. U dan kollu minkejja li taħdem full-time. Għax il-paga minima f’Malta - anki wara l-aħħar żieda - hija garanzija ta’ ħajja mhux diċenti.
Fl-aħħar snin, l-isfidi l-ġodda li qed jiltaqa’ magħhom il-ħaddiem inbidlu u ħraxu fl-istess ħin. Filwaqt li twettqu bosta miżuri tajbin għall-ħaddiema, ngħidu aħna t-tapering of benefits, l-isforzi sabiex nisa u rġiel jitħallsu ndaqs għal xogħol li huwa l-istess, il-btajjel li jinzertaw fi tmiem il-ġimgħa, u aktar riċenti ċ-ċaċliq fil-paga minima u l-aġġustament addizjonali tal-COLA għal min għandu paga baxxa - minkejja dawn, il-ħaddiem qed jitbiegħed dejjem aktar miċ-ċentru tad-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi li jolqtuh.
Minħabba f’hekk, il-valur tax-xogħol u post il-ħaddiem bħala aġent tal-progress ittieħdu mill-valur tal-profitt bl-inqas spejjeż possibbli u t-trickle-down economics: żewġ pilastri ta’ mudell ekonomiku li jaf kif iżid il-ġid imma ma jafx kif, jew ma jridx, iqassmu lura ma’ kulħadd.
Anki l-karririżmu u s-sigurtà tal-job sfrondaw taħt il-wegħda tal-flessibbiltà u l-mobbiltà. Flessibbiltà u mobbiltà għal min? Għall-ħaddiem li għandu l-għażla tal-impjieg, jew għal min iħaddem li jista’ jibdlu kif ġieb u laħaq? Ir-relazzjonijiet soċjali li jinbnew fuq il-post tax-xogħol ġew eliminati minn kuntratti qosra u prattiċi ta’ sottokuntrattar: il-ħaddiem jintbagħat minn post għal ieħor jagħmel xogħol ma’ nies li dejjem jinbidlu, u taħt nies bla skrupli li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-bniedem.
Ejjew inneħħuha minn rasna li l-Maltin ma jridux jagħmlu ċerti xogħlijiet. Il-Maltin ma jridux jagħmlu xogħlijiet fejn il-pagi jibqgħu l-istess li bl-iskuża tal-kompetittività tan-negozju. Ma jridux li tinstabilhom mitt skuża għal paga diċenti, imma mal-ewwel żiffa l-prezzijiet jogħlew mill-ewwel. Il-Maltin ma jridux jagħmlu xogħlijiet fejn m’hemmx rispett lejhom, fejn wara snin ta’ dedikazzjoni lejn xogħlu jara s-salarju tiegħu jonqos drastikament - jew saħansitra jitkeċċa - għax l-imgħallem sab kif jiffranka l-ftit overtime li bih il-ħaddiem kien qed ilaħħaq.
Dak li l-ħaddiem Malti ilu jitnaqqarlu tul is-snin, qed isofruh ukoll il-ħaddiema barranin f’Malta. Dawn huma eżempju klassiku ta’ meta l-politiċi jaqtgħu qalbhom mill-ħaddiem - kulħadd imur lura għax il-ħaddiem hu min hu, jagħti x-xogħol li jmexxi lill-pajjiż.
Il-ħaddiem f’Malta m’għandux garanzija ta’ paga diċenti minkejja l-ħaddiema barranin, u mhux minħabba fihom. Ir-rabja tagħna bħala ħaddiema m’għandhiex tkun indirizzata lejn ħaddiema oħra żgħar bħalna, iżda lejn il-prattiċi li jridu jinnormalizzaw il-prekarjat u l-aġenti li jwettquh, inkluż policies ħżiena u impjegaturi li jitfgħu ħaddiem ’il barra biex idaħħlu ieħor b’paga u kundizzjonijiet kriminalment baxxi.
Irridu nirreżistu d-diskors li l-ħaddiema barranin qishom xi numru fuq il-payslip tagħna bħala kontribuzzjoni għall-pensjonijiet, kif qalilna l-“partit tal-ħaddiema.” Irridu wkoll nirreżistu d-diskors li dawn il-ħaddiema qagħdu jiġu Malta biex ibaxxulna l-pagi, kif qalilna l-Partit Nazzjonalista. Dil-firda bejn il-ħaddiema f’Malta - huma min huma - tagħmel l-akbar ħsara lill-ħaddiema stess, u tippermetti lil min jisfruttahom jibqa’ għaddej fi triqtu sakemm il-ħaddiema huma mifrudin bejniethom.