Total Football (1)

L-istaġun tal-futbol lokali ngħalaq b’Ħamrun Spartans rebbieħa tal-kampjonat Premier, filwaqt li fl-istaġun id-dieħel, għall-ewwel darba, l-ogħla diviżjoni se tkun nieqsa mit-tim tal-Belt Valletta.

Minbarra Melita FC li rebħu l-Malta Challenge League, tim ieħor li sab postu fil-Premier huwa Zabbar St Patrick, li spiċċaw fit-tieni post.

Madankollu, iċ-ċelebrazzjoni għall-promozzjoni tal-klabb, oriġinarjament maħsuba għall-5 ta’ Mejju, baqgħet ma saritx. Minflok, sar meeting taħt it-tinda tal-Partit Laburista indirizzat mill-PM Robert Abela.

Mix-xellug: Omar Farrugia, Seg Parlamentari għall-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, dak iż-żmien CEO ta’ SportMalta; Kevin Deguara; Clifton Grima, Ministru għall-Isport; Joe Cilia, nutar, ex-MP PL (1992-2003). Ritratt: Ministeru għall-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Sport u Riċerka.

Anke hawn “it-timing” ma kienx ideali: fost l-akkużati tal-iskandlu tal-Vitals insibu lil Kevin Deguara, il-President ta’ St Patrick FC. Deguara huwa l-fundatur ta’ DF Advocates u DF Corporate Advisory, li qed jiġi akkużat bir-reati ta’ ħasil tal-flus, parteċipazzjoni f’attività kriminali u ta’ assoċjazzjoni kriminali.

Deguara huwa wkoll direttur u shareholder ta’ Shoreline, kumpanija bi struttura kemmxejn kumplessa li fuq is-sit tagħha tispjega li “l-attività prinċipali hija x-xiri u l-bejgħ u/jew l-iżvilupp u l-operazzjoni ta’ bosta proprjetajiet immobbli fi ħdan, u li jikkostitwixxu x-Shoreline Mall Complex, li għandu jinbena fi […] Smart City, fil-Kalkara.”

Deguara sar president ta’ St Patrick fl-2021.

Kevin Deguara. Ritratt: Żabbar St Patrick FC (Facebook)

Tul dawn l-aħħar snin, il-Malta Football Association u l-assoċjazzjoni tal-klabbs tal-Premier bdew kampanja sabiex “jipprofessjonalizzaw” l-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti. Fost ir-riżultati ta’ dan l-isforz, inħolqot il-Malta Premier League Assocation li bħala President ħatret lil Joseph Muscat.

Fl-2017, meta Muscat kien għadu Prim Ministru, kienu ddaħħlu liġijiet ġodda dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi, fejn il-klabbs ingħataw is-setgħa li jmexxu kwalunkwe attività kummerċjali fil-kumplessi tagħhom (b’eċċezzjonijiet ovvji).

Ritratt: maltafootball.com

Dejjem taħt Muscat, inkitbu r-Rural Policy and Design Guidelines (2014) u l-Istrategic Plan for Environment and Development (SPED, 2015) li ppermettew, baxx baxx, applikazzjonijiet għal djar tal-anzjani, kumplessi turistiċi u kumplessi sportivi fuq art ODZ.

F’Novembru 2023, il-Gvern ħabbar konċessjoni lil St Patrick FC, fejn żewġ meded ta’ art pubblika ngħataw, permezz ta’ mozzjoni fil-Parlament, lill-klabb immexxi minn Deguara.

Deguara bi ħsiebu jiżviluppa kumpless sportiv ieħor bi grawnds għall-futbol u l-padel, f’żona fejn diġà hemm il-grawnd attwali tas-St Patrick, kif ukoll ta’ St Edward’s, De La Salle, il-Verdala, il-Fortini, u l-kumpless sportiv nazzjonali tal-Kottonera. L-intenzjonijiet tiegħu huma aġevolati mill-attività kummerċjali virtwalment bla restrizzjonijiet li hija permessa fuq dawn l-artijiet, iżda wkoll mill-iskont sostanzjali li ħa minn SportMalta.

Kif jidher fil-kuntratt għat-trasferiment tal-art, Deguara ħa l-kontroll ta’ biċċa art ta’ 1,500 metru kwadru fl-inħawi magħruf bħala tal-Fata (pġ. 17), kif ukoll 10,800 metru kwadru bejn is-swar ta’ San Ġakmu u ta’ San Alwiġi (pġ. 37).

Tal-ewwel se tiswa lill-klabb €308.50 f’ċens annwali, bi skont mill-valutazzjoni oriġinali ta’ €6,170 (pġ 20); it-tieni għandha valutazzjoni ta’ €44,120 iżda se tingħata b’ċens annwali ta’ €2,206.

Dan jammonta għal skont ta’ 95% li l-istat ta lill-klabb ta’ Deguara, li b’hekk jista’ jiżviluppa l-art bi prezz estremament irħis.

Dan mhuwiex l-ewwel ftehim ta’ din ix-xorta; ħadd ħlief il-Malta Developers Association kienet oġġezzjonat għall-iżvilupp ta’ kumpess simili minn Marsaxlokk FC, minħabba li “klabb megħjun mill-gvern kien qed joħloq kompetizzjoni inġusta ma’ żviluppaturi oħrajn.”

F’Santa Luċija, testimonial ieħor tal-MPL ta’ Muscat, Robert Micallef, kiseb permess jiżviluppa kumpless simili minkejja l-oppożizzjoni tar-residenti.

Il-ftehim bejn il-Gvern u St Patrick’s ġie ffirmat wara li l-Pulizija kienu għamlu raid fuq l-uffiċċji ta’ DF Advocates f’rabta mal-iskandlu tal-VGH. Deguara mhuwiex l-uniku isem li jispikka f’din l-istorja. Fost il-firmatarji tal-ftehim insibu lil:

  • Fabio Muscat, viċi President ta’ St Patrick’s, kif ukoll CEO ta’ Ozo Group, kumpanija tas-sottokuntrattar tal-ħaddiema li taqa’ taħt il-familja Zammit Tabona;

  • Ryan Edward Otto, negozjant tal-enerġija mill-Afrika t’Isfel, fil-kariga ta’ “Senior Vice President” tal-klabb; anke hu sid u direttur ta’ Shoreline;

  • Mike Sladden, teżorier tal-klabb, relatat ma’ Pierre, li huwa mixli b’ħasil tal-flus, assoċjazzjoni kriminali u użu ta’ dokumenti falsifikati fl-inkjesta tal-Vitals;

  • Glenn Micallef, viċi-president tal-klabb kif ukoll Chief of Staff tal-Prim Ministru Abela.

Aqra wkoll it-tieni parti u t-tielet parti.

Wayne Flask

Wayne Flask, segretarju ta’ Il-Kollettiv, ilu involut fl-attiviżmu mill-2017, b’interess fi kwistjonijiet ta’ natura lokali u reġjonali. Huwa wkoll opinjonista ta’ The Times of Malta u produttur tad-dokuserje Vittmi tal-Kostruzzjoni.

Previous
Previous

Rebħa għar-Residenti fil-Qrendi u l-Imqabba

Next
Next

Ibdlu l-Local Plans!