Ibdlu l-Local Plans!
Għajta waħda miż-Żurrieq, fejn numru ta’ residenti llum iltaqgħu fiż-żona tal-Bebbux sabiex jitkellmu kontra żvilupp li qed jhedded meded kbar ta’ art verġni.
Iż-Żurrieq huwa mdawwar minn siti li jistgħu jiġu disponibbli għall-iżvilupp permezz tar-rationalisation policy tal-Local Plans tal-2006, u dan ippermetta spekulazzjoni tal-art estiża speċjalment fil-Punent ta’ Malta.
Il-konferenza stampa ġiet indirizzata minn Jan Camilleri, resident taż-Żurrieq, Annalisa Schembri u Robert Bondin Carter, bdiewa li jaħdmu l-art f’Tal-Bebbux, u Matthew Borg mill-Għaqda Residenti taż-Żurrieq. Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq.
“L-iżbalji ta’ amministrazzjoni preċedenti mhux se jitranġaw min-nuqqas ta’ azzjoni tal-amministrazzjoni preżenti,” qalet Schembri. “Wasal żmien li l-Local Plans jiġu riveduti u li l-gvern jieħu responsabbiltà politika għal dan.”
Proprju lbieraħ, il-Gvern ħareġ stqarrija fejn qal li l-art se tinżamm għal “skopijiet ta’ użu soċjali,” għalkemm mhux ċar xi tfisser din id-dikjarazzjoni. L-Għaqda Residenti taż-Żurrieq saħqet fuq il-ħtieġa li jinbidlu l-pjanijiet lokali, kif ukoll li jiġu involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar din l-art.