Pressjoni fuq il-Punent

L-Għaqda Residenti taż-Żurrieq għada filgħodu se torganizza konferenza stampa dwar il-kwistjoni tal-applikazzjoni f’Tal-Bebbux, it-tieni applikazzjoni ta’ rezoning li tfaċċat fir-raħal tul l-aħħar sena.

Ritratt: Għaqda Residenti taż-Żurrieq

Hija kbira r-rabja fost ir-residenti li jħossuhom traduti mill-Gvern, b’mod partikolari meta jisimgħu li l-Local Plans fiż-Żurrieq “ma jistgħux jinbidlu” iżda jaraw li f’imkejjen oħra - bħal Ħondoq ir-Rummien, Wied il-Għajn u issa Bulebel - dawn il-pjanijiet filfatt inbidlu.

L-applikazzjoni għal rezoning fin-Nigret ġiet deċiża s-sena l-oħra, sbatax-il sena wara li l-Perit li qed jirrappreżenta lill-iżviluppaturi - jiġifieri, l-ex Ministru tal-Ippjanar Nazzjonalista George Pullicino - kien dawwar dawn il-Local Plans f’liġi. Dak iż-żmien, kienu ħafna dawk li ma ndunawx sew x’kien qed jiġri: il-Local Plans u l-kunċett ta’ rationalisation fetħu eżerċizzju kbir ta’ spekulazzjoni, fejn xi żviluppaturi kienu jafu fejn kellhom jixtru qabel ma ġew ippubblikati dawn il-pjanijiet, u għamlu profitti enormi wara għaxar snin, meta tomniet kbar ta’ art mixtrija bi prezz ta’ ODZ ġew disponibbli għall-iżvilupp.

Pullicino issa qed jagħmel il-prattika privata tiegħu, fejn juża l-għarfien tiegħu tal-pjanti li kiteb hu stess biex jippermetti l-bini tagħhom; il-bqija taż-Żurrieq huwa mdawwar b’żoni li nfetħu baxx baxx għall-iżvilupp. Ħarsa lejn il-pjanti turi kif il-ħsieb hu li kull pulzier taż-Żurrieq jiġi sfruttat għall-bini, tant li jiġi ħaġa waħda maż-żoni tal-madwar u jitlef darba għal dejjem il-karatteristiki tiegħu.

Dan ifisser ukoll li l-ġlieda għall-kwalità tal-ħajja fiż-Żurrieq se titmexxa mir-residenti, abbandunati għal darb’oħra mill-politika li, aħmar jew blu, hija ġeneralment skomda titkellem dwar il-kostruzzjoni u l-ispekulazzjoni.

Il-konferenza stampa se ssir għada fil-11.30 f’Tal-Bebbux, fiż-Żurrieq, u se tiġi indirizzata minn residenti u bdiewa tal-inħawi.

Previous
Previous

Ibdlu l-Local Plans!

Next
Next

Jekk jien Establishment, u int Establishment…