Jekk jien Establishment, u int Establishment…

L-Emir jaħsibna ħmir, u jwaħħal f’denbu: id-difiża tal-ewwel Prim Ministru akkużat b’reati kriminali f’pajjiżna, mis-suċċessur tiegħu, hija tassew surreali. Robert Abela qed jimplika li “l-establishment” qed jipprova jwaqqa’ lil-Labour, iżda bħal dejjem huwa faċli ħafna tattakka nies mingħajr isem.

Il-kelma “establishment” kien qajjimha proprju Muscat qabel l-elezzjoni tal-2013, fiż-żmien meta “il-Moviment” kien qed jilgħabha tal-underdog kontra l-Gvern ta’ Gonzi. Ir-riferiment impliċitu ta’ dik il-frażi kien għall-“poter minn wara s-sedja”, jiġifieri dak li jista’ jiġi deskritt bħala “kitchen cabinet” magħmul fost oħrajn minn Richard Cachia Caruana, Edward Galea Curmi, u l-kardinali l-oħra tal-amministrazzjoni ta’ Gonzi.

Iżda qed nitkellmu dwar ħdax-il sena ilu, u ż-żmien taħt il-Labour ma waqafx. Anzi, Muscat, il-posterboy ta’ Malta Kożmopolitana, kien dak li ħoloq establishment ġdid li ssellef xi nies mill-antik; sinjal ta’ kif is-sistema ta’ tfaqqir tal-liġijiet kienet l-iżjed ta’ benefiċċju mhux għal-Laburisti, iżda għan-nies bla prinċipju li ndiehsu mal-politika mhux biex jaqdu lill-poplu, iżda biex jisirquh.

Diffiċli ma tarax establishment ġdid fil-lista tal-imħarrkin; establishment magħmul minn ħbiberiji u kuntatti tat-trio Muscat-Schembri-Mizzi, ismijiet li fil-parti l-kbira tagħhom diġà magħrufa u li għandhom interessi (privati) mifruxin iżjed minn sett idejn ta’ qarnita.

Abela uża kliem aggressiv fil-konfront tal-ġudikatura, u forsi mhux konxju mill-kunċett ta’ dinjità li għandu jżomm Prim Ministru lura milli jattakka l-istituzzjonijiet; anke għax, sa ftit ilu kien qed jgħid li l-istituzzjonijiet għandhom jitħallew jaħdmu.

Mela allura fejn hi l-problema? Abela qisu jrid jgħid li l-ġudikatura vvintat il-provi fil-konfront ta’ Muscat (stramba kif ma ddefendiex lil Schembri u Mizzi), u dan huwa kliem altament irresponsabbli mingħand xi ħadd li ħa ġurament biex jaqdi lill-poplu.

Ilu ħafna - ferm qabel ma ħolmu l-kandidatura-fantażma għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju - il-Pulizija marret tħabbat fuq il-bieb ta’ Muscat f’Burmarrad. Dakinhar il-Pulizija kienu aġixxew fuq inizjattiva tagħhom, jew wara ordnijiet minn fuq? Kienu qed jaħdmu l-istituzzjonijiet jew “l-establishment” dakinhar?

Jeżisti iżjed minn establishment wieħed: minbarra dak tal-ġudikatura, jeżisti dak tal-politika (kif jeżistu tan-negozju, tal-kultura, tal-isport, tal-moda). Ħafna drabi, dawn l-establishments ma tafx fejn jibdew u fejn jispiċċaw, anke għax ikun hemm l-istess interessi u persuni involuti kullimkien.

Pereżempju, Abela, li huwa Prim Ministru, huwa per definizzjoni parti mill-establishment politiku. Huwa wkoll avukat, iben ex-President tar-Repubblika qrib l-elit tan-negozju Laburista, li sa ftit ilu kien qed jieħu deċiżjonijiet fuq liem riformi għandhom isiru u liem le. Il-ħbiberiji fiċ-ċrieki legali jieħdu sinifikat differenti fid-dawl tal-kuntratti għall-konsulenza fl-ippjanar; anke fost il-ġudikatura li qed jattakka Abela Jr, hemm il-konoxxenzi li għamel Abela Sr. tul iż-żminijiet.

Il-PM jinsa jgħid li għandu s-setgħa jaħtar il-Prim Imħallef, u ta’ min jinnota li fost l-Imħallfin li laħqu taħt amministrazzjoni Laburista hemm ex-membri u ġurnalisti tal-PL stess.

Kif għamel Muscat - li kien ħoloq aġenzija b’baġit ta’ €700m u daħħal lil kuġinuh biex imexxiha - Abela daħħal klikka CEOs li għandhom iżjed setgħat mill-Ministri, u tahom l-amministrazzjoni tal-ġid ta’ pajjiżna. Is-sistema ta’ patrunaġġ taħdem eżatt kif kienet taħt il-PN, iżda hija ferm iżjed wiesa’, u f’xi drabi vendikattiva fil-konfront tal-Laburisti stess.

Prattikament, l-istess mudell li ppermetta l-iskandlu tal-Vitals huwa dak li jista’ jiġi osservat fl-oqsma kollha ta’ governanza ta’ pajjiżna: ir-riżorsi tagħna jinsabu f’idejn kasta żgħira ta’ nies li tqassamhom kif jidhrilha, filwaqt li l-poplu mistenni jibqa’ jbati l-konsegwenzi fis-skiet.

Jekk din mhux il-ħidma ta’ establishment, allura kif ikun?

Minjaf dan l-establishment hux il-kawża tal-iskandli ta’ Silvio Grixti, ta’ Rosianne Cutajar, ta’ Justyne Caruana, tal-Panama Papers, tal-AUM, u tal-iskandli dwar l-eqreb Ministri tiegħu li għad irid joħorġu maż-żmien.

Minjaf il-Prim Ministru hux se jgħid lil Mizzi u Schembri jitolbu apoloġija biex jerġgħu jidħlu fil-Partit; minjaf hux se ssir ġustizzja għall-qtil ta’ Caruana Galizia, jew hux se jkun l-establishment li jeħles lill-akkużati, forsi b’xi teknikalità; minjaf, finalment, jekk Abela huwiex verament jemmen li huwa ppersegwitat u vittma, jew hux juża lil Muscat bħala tarka minn katina ta’ avvenimenti li kien beda hu stess.

Wayne Flask

Wayne Flask, segretarju ta’ Il-Kollettiv, ilu involut fl-attiviżmu mill-2017, b’interess fi kwistjonijiet ta’ natura lokali u reġjonali. Huwa wkoll opinjonista ta’ The Times of Malta u produttur tad-dokuserje Vittmi tal-Kostruzzjoni.

Previous
Previous

Pressjoni fuq il-Punent

Next
Next

Iż-Żurrieq iqum kontra l-ħerba