Iż-Żurrieq iqum kontra l-ħerba
Wara l-applikazzjoni f’Tal-Bebbux u l-aħbar li l-Gvern diġà ta l-kunsens tiegħu għall-iżvilupp, l-Għaqda ssejjaħ konferenza stampa dwar l-aħħar proposta ta’ bini ta’ art verġni.
L-Għaqda Residenti taż-Żurrieq sejħet din il-konferenza stampa għal nhar is-Sibt, 11 ta’ Mejju, fil-ħdax u nofs ta’ filgħodu, fiż-żona magħrufa bħala Tal-Bebbux. Hawnhekk, medda kbira ta’ art agrikola - li għadha tinħadem - qed tiġi skedata għall-bini permezz ta’ applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Jekk jirnexxi l-pjan tal-iżviluppaturi, iż-żona minn għelieqi tittrasforma ruħha f’fillieri ta’ appartamenti ta’ erba’ sulari, filwaqt li art li fuqha għad hemm il-bdiewa se tingħata sabiex tinbena triq. Skont ma rrappurtat it-Times, l-Awtorità tal-Artijiet tat il-kunsens tagħha għal din l-applikazzjoni tul l-2023, fiż-żmien meta l-Ministru tal-Artijiet kien Silvio Schembri. Taħt Schembri, bosta artijiet inbiegħu jew ingħataw bħala konċessjoni għall-iżvilupp lil numru ta’ żviluppaturi, fosthom l-art tal-Qortin fil-Mellieħa. Jidher li minflok il-wegħda ta’ spazji miftuħin, il-linja ta’ Schembri li l-Gvern jibqa’ jbigħ l-artijiet tiegħu baqgħet predominanti, minkejja l-problemi ta’ żvilupp eċċessiv li qed jirritaw parti dejjem tikber mill-elettorat Laburista.
Għar-residenti, il-ġlieda tinfirex lilhinn min-Nigret u tal-Bebbux: iż-Żurrieq huwa mdawwar b’żoni li jistgħu jinfetħu għall-iżvilupp abbażi tal-Local Plans miktuba fl-2006, liġijiet miktuba sabiex jippermettu mewġa oħra ta’ żvilupp li filfatt bdiet titqawwa fl-2016. Il-famużi “rationalisation zones” iddaħħlu sabiex meded kbar ta’ art jinfetħu għall-bini għaxar snin wara l-Local Plans, u dan l-eżerċizzju ffavorixxa lil min kien jaf liem artijiet kellu jixtri ma l-Local Plans saru liġi. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-valur ta’ dawn l-artijiet għola b’mod spettakolari, u ħafna minn din l-art verġni ġiet disponibbli għall-iżvilupp mingħajr ma l-poplu nduna x’kien għaddej.
Filfatt, minkejja l-oppożizzjoni tal-Partit Laburista għal dawn il-pjanijiet fl-2006, ħadd ma semma l-impatt li kien se jkollha l-miżura ta’ rationalisation fuq bosta rħula, u dan l-eżerċizzju ta’ spekulazzjoni tħalla għaddej bl-iskuża li l-Local Plans “ma jistgħux jinbidlu.” Iżda l-Gvern inqabad f’kontradizzjoni meta wegħed bidla fil-Local Plans tal-Qala u Wied il-Għajn; għal xi raġuni, id-deputati eletti mid-Distrett taż-Żurrieq jibqgħu jinsistu fis-sagralità ta’ dawn il-Local Plans.
Iżjed kmieni l-ġimgħa l-oħra tfaċċaw stickers fejn il-kandidati elettorali għall-Ewropa u l-Kunsill Lokali li baqgħu siekta dwar l-iżviluppi tan-Nigret u tal-Bebbux qed jintalbu ma jħabbtux il-bieb tar-residenti. Sadanittant, il-viċi Sindku taż-Żurrieq, Ignatius Farrugia, iddikjara f’laqgħa tal-Kunsill li ma jridx jiltaqa’ mal-Għaqda Residenti taż-Żurrieq minħabba li għandha “aġenda politika,” għalkemm għadha mhux ċara l-pożizzjoni tiegħu dwar l-iżviluppi fin-Nigret u tal-Bebbux, u jekk huwiex komdu li tgħaddi triq minn ġol-għelieqi maħduma.
Il-konferenza stampa se tiġi indirizzata minn residenti u bdiewa taż-Żurrieq.