Natius Farrugia jattakka lir-Residenti

L-għada li ħarġet l-aħbar dwar l-istickers li qed jitwaħħlu mir-residenti taż-Żurrieq, il-Kunsill Lokali tella’ l-minuti tal-laqgħa Nru 58 tal-20 ta’ Marzu, fejn ikkonferma dak li għedna dwar l-aġir tal-Viċi Sindku Natius Farrugia.

Ritratt: Natius Farrugia (Facebook)

Waqt din il-laqgħa, il-Kunsillier Nazzjonalista Dino Bonnici ssuġġerixxa li l-Kunsill jiltaqa’ mal-Għaqda Residenti taż-Żurrieq, iżda kif juru l-minuti (taħt l-entrata 58.4.6), Farrugia qal li l-aġenda ta’ din l-għaqda hi “li tagħmel ħsara lill-Kunsill”, li għandha “aġenda politika” u li l-Għaqda “tinqeda b’żewġ persuni” biex jitfgħu l-posts fi grupp ta’ Facebook bl-isem ta’ Żurrieq People. Farrugia kompla billi jgħid li din l-Għaqda m’għandhiex tingħata l-attenzjoni tal-Kunsill.

Bonnici qal li kull għaqda għandha tiġi rispettata u mismugħa mill-Kunsill, filwaqt li l-Kunsillier tal-PL Kenneth Farrugia qal li għandu jkun “Kunsill ġdid” li jiltaqa’ mal-Għaqda.

Sadanittant, ir-residenti qed ikomplu fil-kampanja tagħhom kontra r-rezoning f’Tal-Bebbux, filwaqt li l-Kunsill Lokali għad irid jindika hux se joġġezzjona għal dan il-proġett.

Mhijiex magħrufa l-pożizzjoni ta’ Ignatius Farrugia, li kien ukoll fil-midja wara li l-Qorti sabitu ħati li ffastidja lil Daphne Caruana Galizia fl-2013.

Previous
Previous

Iż-Żurrieq iqum kontra l-ħerba

Next
Next

Għala biebkom? Tiġux wara tagħna