Għala biebkom? Tiġux wara tagħna

Fil-ġimgħa fejn sar magħruf li l-Gvern ta l-kunsens tiegħu sabiex tinbena medda ta’ art agrikola f’Tal-Bebbux, ir-residenti taż-Żurrieq bdew iwaħħlu stickers b’messaġġ ċar lill-kandidati għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju.

Ritratt: Għaqda Residenti taż-Żurrieq

Hija t-tieni darba fi żmien inqas minn sena li l-Għaqda qed titħabat kontra applikazzjoni ta’ rezoning, wara li s-sena l-oħra kienet mexxiet kampanja ta’ ġbir ta’ fondi biex tappella d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li toħroġ medda ta’ art agrikola għall-bini bl-iskuża ta’ Local Plans miktuba tmintax-il sena ilu. L-applikazzjoni għadha għall-approvazzjoni tal-Ministru tal-Ippjanar.

L-istickers - sofor bl-iswed, bħal dawk li kienu jitwaħħlu mal-bibien biex ma jħabbtux Xhieda ta’ Ġehova u membri ta’ setet oħra - huma simili għal dawk li dehru Wied il-Għajn fi żmien il-mewġa ta’ rabja kontra l-marina, proġett li kien imbagħad ġie rtirat.

Filwaqt li l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq mistenni jopponi din l-applikazzjoni, mhux kulħadd fil-Kunsill jidher interessat fil-kwistjoni. Ftit tal-ġimgħat ilu, waqt laqgħa tal-Kunsill, Natius Farrugia, kandidat Laburista bi pretensjonijiet għas-siġġu ta’ Sindku, ħareġ kontra l-proposta tal-kunsillier Nazzjonalista Dino Bonnici sabiex issir laqgħa mal-Għaqda Residenti taż-Żurrieq. Skont ma rreferew kunsilliera oħrajn, Farrugia qal li ma jaħdimx ma’ “min jagħmel il-ħsara” u li l-Għaqda għandha interessi politiċi.

Sadanittant, għal xi raġuni, il-minuti ta’ din il-laqgħa tal-Kunsill għadhom mhux disponibbli għall-pubbliku, filwaqt li mhux disponibbli lanqas il-livestream.

Previous
Previous

Natius Farrugia jattakka lir-Residenti

Next
Next

Is-Saħħa għand il-Ftit