Il-Kollettiv

View Original

Total Football (2)

F’Novembru 2023, l-avukat Kevin Deguara, issa President ta’ Zabbar St Patrick’s, iffirma ftehim mal-Gvern sabiex ikun jista’ jiżviluppa – bil-klabb bħala tarka tiegħu – medda ta’ 11,000 metru kwadru ta’ art pubblika.

Kevin Deguara

Xahrejn wara li ġie ffirmat il-ftehim bejn St Patrick’s u l-Awtorità tal-Artijiet, tfaċċat aġenzija oħra tal-Gvern lesta tgħin lil Deguara jġannat it-trufijiet tal-imperu tiegħu. F’Jannar 2024, Transport Malta reġgħet qajmet mill-bir tas-skieken il-proposta biex tinbena triq li tgħaqqad iż-żona ta’ Bieb is-Sultan f’Ħaż Żabbar ma’ Smart City fil-Kalkara.

Il-pjan oriġinali għal din it-triq kien sar fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista, li dak iż-żmien kienet ippromwoviet il-kostruzzjoni ta’ Smart City bħala “hub” għat-teknoloġija tal-informazzjoni. Iżda dan il-hub qatt ma ġie fis-seħħ, u minflok Smart City saret l-istess bħal kwalunkwe proġett ieħor ta’ proprjetà immobbli.

Tul iż-żminijiet, il-proposti biex tinbena din it-triq dejjem intlaqgħu bi tħassib minħabba l-impatt ambjentali li kien se jkollha din it-triq, kif ukoll fuq il-fortifikazzjonijiet innifishom.

Il-proposta l-ġdida tinkludi l-bini ta’ triq ġdida u t-twessigħ ta’ mogħdijiet qrib il-fortifikazzjonjiet tal-Kottonera. Iż-żona totali tal-proġett hi ta’ 80,000 metru kwadru, u t-triq mistennija tiżbokka qrib il-kunvent tal-Kapuċċini fil-Kalkara u tibqa’ nieżla dritt lejn Smart City.

It-triq se tieħu 3,200 metru kwadru ta’ art agrikola, siġar u ħitan tas-sejjieħ, u se tinfetaħ mis-Sur ta’ San Alwiġi, fejn Deguara kiseb l-art f’isem il-klabb. Skont il-ftehim bejn il-Lands u l-klabb ta’ Ħaż Żabbar, l-art pubblika se tingħata bi skont ta’ 95% fuq il-valutazzjoni tal-perit tal-Gvern.

Ritratt: Maltatoday

Filwaqt illi l-proposta għat-triq se tieħu inqas art agrikola milli kien propost fl-antik, fejn it-triq ta’ 643 metru kienet se tibla’ 14,500 metru kwadru, id-diżinn il-ġdid huwa maħsub biex jorbot ċentru ġdid ta’ attività kummerċjali f’Ħaż Żabbar ma’ ieħor fix-Xgħajra; it-tnejn li huma interessi ta’ Deguara u tan-negozjant Ryan Edward Otto, sidien u diretturi ta’ Shoreline li qegħdin ukoll fl-ogħla pożizzjonjiet tal-bord ta’ St Patrick’s.

Filwaqt li parti mill-art diġà hija mimsusa minn xi forma ta’ bini, il-kostruzzjoni ta’ toroq ġodda spiss tippermetti applikazzjonijiet ġodda għal bini mhux previst mill-pjanijiet lokali. F’dan il-każ huwa probabbli li l-bini tat-triq u servizzi infrastrutturali (inklużi d-dawl u l-ilma) iwassal maż-żmien sabiex tiġi intensifikata l-attività kummerċjali fiż-żona.

Minbarra l-ftuħ ta’ triq ġdida lejn ix-Xgħajra, li swiet l-għelieqi tal-bdiewa taż-żona, fl-2023 ġew approvati żewġ torrijiet residenzjali fl-istess lokalità bħala parti mill-estensjoni ta’ Smart City. Smart City kienet oġġezzjonat, flimkien mal-Kunsill Lokali, għall-bini ta’ ħmistax-il sular fil-qrib. Ftit iżjed minn sena wara, il-Kunsill Lokali tax-Xgħajra dawwar fehemtu u rtira l-oġġezzjoni tiegħu – b’tant ta’ tifħir għad-diżinn il-ġdid – permezz ta’ ittra ffirmata mis-Sindku l-ġdid Neil Attard.

Dan kollu minkejja li x-Xgħajra ma kinitx ġiet iddiżinjata bħala żona għall-high rises, u l-limitu permess mill-Floor Area Ratio Policy huwa ta’ għaxar sulari.

 Aqra wkoll l-ewwel parti u t-tielet parti.