Total Football (3)
Wara li Valletta FC ġew relegati mill-Premier League, il-klabb jinsab għall-bejgħ: l-aġent President Alexander Fenech qal f’intervista li qiegħed f’diskussjonijiet ma’ grupp barrani li jixtieq jieħu l-kontroll tat-tim.
Skont it-Times, dan il-grupp huwa l-Insignia, deskritta bħala “a luxury lifestyle management and financial services company.” Fenech qal li għaddej il-proċess ta’ due diligence qabel ma jinxtara l-klabb, għalkemm ħarsa ta’ malajr lejn l-istorja ta’ din il-kumpanija turi kif kienet ġiet immultata minħabba l-kontrolli laxki kontra l-ħasil tal-flus.
Il-grupp ta’ kumpaniji ta’ Insignia jdur madwar in-negozjant b’ċittadinanza Ukrena bl-isem ta’ Luka Surguladze, jew Luka Sur. Fost dawk (preċedentement) assoċjati ma’ Insignia jispikkaw l-ex Ministru Chris Cardona, is-CEO ta’ V&C Construction Christabelle Camilleri, kif ukoll Rachelle Dingli, mart il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg.
F’artiklu li deher fit-Times f’Marzu tal-2022, kien irrapportat li Camilleri u Dingli rriżenjaw mill-Insignia Foundation ftit wara li saru diretturi fl-2019, għalkemm Dingli għadha tidher fir-reġistru tal-kumpaniji bħala rappreżentanta legali.
Insignia hija fost il-lista ta’ kumpaniji li ħallset konsulenzi lil Joseph Muscat.
Il-kumpanija kienet irċeviet multa ta’ kważi €375,000 mill-FIAU u oħra ta’ €142,000 mill-MFSA minħabba ksur tal-protokolli kontra l-ħasil tal-flus. Iżda l-multa tal-FIAU ġiet iddikjarata anti-kostituzzjonali, oħra fis-serje ta’ azzjonijiet ta’ infurzar relatati mal-ħasil tal-flus li jiġu mħassra mill-Qrati.
Il-bord tal-Valletta FC irriżenja kollu wara r-relegazzjoni tat-tim, u l-ħsieb ta’ Fenech huwa li l-klabb ma jkunx iffinanzjat minn persuna waħda; dan ġie wara diskussjoni mal-ex MP Nazzjonalista Claudio Grech, direttur tal-kumpanija Momentum, li tiddeskrivi ruħha bħala “boutique advisory practice” li tispeċjalizza fi “strategy development, project execution, funding programmes” u “change management efforts.”
Minħabba “r-rwol pubbliku” tal-fundatur, Momentum tgħid li ma tinvolvix ruħha fi proġetti li jista’ jkollhom “grad materjali ta’ sensittività politika, ekonomika u ambjentali,” għalkemm mhux immedjatament ċar x’inhu l-prodott jew servizz tanġibbli li toffri din il-kumpanija.
Filwaqt li Valletta FC se jiffukaw fuq il-promozzjoni lura lejn il-Premier tul is-sena li ġejja, tim ieħor li kiseb postu fl-ogħla kampjonat kien mistenni jħabbar kumpless sportiv ġdid. Iżda minħabba l-aħbarijiet li jinvolvu lill-President ta’ Żabbar St Patrick’s, Kevin Deguara, fl-iskandlu tal-Vitals, u anke minħabba l-kampanja elettorali li qed tintlagħab ukoll fil-viċinanzi, l-atmosfera madwar il-klabb hija kemmxejn tqila.
Ftit tal-jiem ilu, persuna qrib Żabbar St Patrick’s avviċinatni waqt dibattitu li fih konna qed nipparteċipaw, u wriet it-tħassib tagħha li artikli bħal din is-serje jistgħu jħallu “ħsara fuq il-komunità.” It-tweġiba tiegħi kienet li forsi iżjed jagħmel ħsara lill-komunità l-involviment ta’ persuni investigati għal reati kriminali kbar fil-bord, u li qed jirċievu skont ta’ 95% fuq l-art pubblika f’Ħaż Żabbar.
Jidher li l-istess tħassib dwar ir-reputazzjoni laqat lill-grupp ta’ kumpaniji Dizz, li ħabbru r-riżenja ta’ Deguara mill-bord. Dizz huwa mmexxi minn Diane Izzo, ħabiba personali ta’ Michelle Muscat, u minn żewġha Karl, ex-player tal-waterpolo u president tal-assoċjazzjoni, li kien inħatar bħala l-ewwel ambaxxatur tal-Montenegro minn Joseph Muscat. Ftit taż-żmien wara, faqqa’ skandlu ieħor li jinvolvi lil Muscat, dak tal-wind farms.
Għadu mhuwiex ċar jekk Deguara hux bi ħsiebu jirriżenja mill-klabb ta’ Ħaż Żabbar.
Il-qrubija ta’ Deguara ma’ Muscat hija essenzjali għall-ex Prim Ministru anke minħabba l-appoġġ tal-Presidenti fl-assoċjazzjoni tal-klabbs tal-Premier League Malti.
L-ewwel “riforma” li nieda Muscat fil-futbol kienet dik li jaqsam il-kampjonat fi tnejn, billi juża mudell popolari fl-Amerka t’Isfel fejn jeżistu l-kampjonati tal-ftuħ (“Apertura”) u tal-għeluq (“Clausura”).
Din il-manuvra ma għoġbot xejn lil President ieħor li investa ħafna fil-klabb tiegħu: il-President ta’ Ħamrun Spartans Joseph Portelli saħansitra ddefinixxa lil Muscat u l-presidenti l-oħrajn li vvutaw favur din il-bidla bħala “fidili.”
Sa sentejn u nofs ilu, Portelli kien qed jagħti l-intervisti minn fuq it-torri tiegħu (mhux komplut) f’Paceville, fejn tkellem dwar il-miljuni u l-grawnd il-ġdid tal-Ħamrun bil-faċilità ta’ xi ħadd li qed ibigħ il-pastizzi.
Madankollu, issa li hemm klabbs bħal Santa Luċija, Marsaxlokk, u dalwaqt anke Ħaż Żabbar, li qed igawdu mill-filosofija ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-klabbs li ħeġġeġ fi żmienu Muscat, il-President ta’ Spartans qed jaffronta kompetizzjoni mhux mixtieqa minn klabbs li f’daqqa waħda skoprew minjieri tal-flus. F’intervista li ta lil NET TV fi Frar tal-2024, Portelli lmenta bil-preżenza tan-negozjanti fil-football.
Filwaqt li f’Marsaxlokk u Santa Luċija nħass l-għadab tar-residenti għall-kumplessi sportivi u l-mod kif ġew ippreżentati, f’Ħaż Żabbar il-logħba issa qed tintlagħab fi grawnd ieħor fejn Deguara għandu bżonn l-appoġġ: il-Kunsill Lokali.
L-aħħar parti tas-serje tiġi ppubblikata fil-ġranet li ġejjin. Aqra wkoll l-ewwel parti u t-tieni parti.