Il-Kollettiv

View Original

Total Football (4)

L-involviment ta’ Kevin Deguara bħala President ta’ Żabbar St Patrick’s ra lill-klabb jikseb post fil-Premier League Maltija, issa d-dominju tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat.

“Storja ta' ħolma li se ssir realtà.” Kevin Deguara mal-kandidat u Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista Marc Vella Bonnici, meħud qabel ma Kevin Deguara ġie akkużat f’rabta mal-iskandlu tal-Vitals. Ritratt: Marc Vella Bonnici (Facebook)

Wara li f’Novembru 2023 il-klabb iffirma ftehim mal-Gvern fejn irċieva ‘l fuq minn 12,000 metru kwadru ta’ art pubblika bi skont fenomenali ta’ 95%, l-investigazzjoni tal-Vitals li tinvolvi kemm lil Muscat kif ukoll lil Deguara ħassret il-festi – inkluża l-aħbar li Deguara kien se jiżviluppa kumpless sportiv ġdid fuq dawn l-artijiet.

Fl-isfond ta’ dan kollu għaddejja l-kampanja elettorali u l-logħba tat-tqegħid tal-pedini fl-irħula tan-nofsinhar ta’ Malta, fejn hemm “fortizzi” Laburisti li qed jaraw xi xquq.

Fost manuvri varji, fil-Kalkara ħerġin żewġ kandidati qrib il-Prim Ministru Abela: Etienne Zahra, li jiġi ħu Aaron, il-koordinatur tas-sikurezza tal-Prim Ministru kif ukoll kap ta’ Festivals Malta; u Nadine Micallef, mart Glenn, chief of staff tal-PM kif ukoll membru tal-bord ta’ Żabbar St Patrick’s. Dawn se jisfidaw għall-kariga ta’ Sindku li attwalment qegħda f’idejn Wayne Aquilina, devot ta’ Miriam Dalli.

Fix-Xgħajra, il-PL ikkonferma l-kandidatura ta’ Neil Attard, is-Sindku li kien instab ħati ta’ fastidju fuq ex-sieħba tiegħu, li huwa “protett” minn Alison Zerafa Civelli, Segretarju Parlamentari għall-Kunsilli Lokali kif ukoll oħt il-mara tal-Prim Ministru; Zerafa Civelli kienet ukoll testimonial għal Mario Calleja, is-Sindku ta’ Wied il-Għajn li għadu kif irriżenja mill-kariga ta’ direttur ta’ Ozo Security.

Attard kien dawwar il-pożizzjoni tal-Kunsill tax-Xgħajra favur iżjed bini fl-inħawi ta’ Smart City, kontra dak li kien iddeċieda l-Kunsill preċedentement immexxi minn Anthony Valvo. Wara l-elezzjoni tal-2022 ġie maħtur fuq il-Local Government Reform Steering Committee flimkien ma’ Aquilina.

F’Ħaż Żabbar stess il-manuvrar jieħu dimensjoni ikbar bil-preżenza ta’ kariga għolja tal-Partit Laburista, is-Segretarju Internazzjonali Marc Vella Bonnici, fost il-kandidati għall-Kunsill Lokali.

Vella Bonnici diġà kien Sindku tal-lokalità bejn l-2014 u l-2019, meta ħa post Quinton Scerri li rriżenja mill-kariga wara investigazzjoni fuq aġir skorrett. Ma hemm ebda raġuni għalfejn Vella Bonnici kellu jsir Sindku: lanqas biss kien ġie elett wara li kiseb numru miżeru ta’ voti fl-ewwel għadd. Vella Bonnici ma kkontestax l-elezzjoni tal-2019.

Fl-2014 ukoll kien ġie maħtur bħala Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista, u kkonfermat mill-ġdid wara li Robert Abela ħa post Joseph Muscat - anke hawn mingħajr ma kellu bżonn il-voti.

Ħadd ma kkontesta l-kariga ta’ Marc Vella Bonnici (lemin) bħala Segretarju Internazzjonali tal-PL, minkejja l-bidliet li ġab miegħu Robert Abela meta ħa t-tmexxija tal-Partit. Ritratt: timesofmalta.com

Marc Vella Bonnici huwa iben Joe, ex-kap ta’ Identity Malta, kif ukoll promotur tal-iskema tal-passaporti. Joe Vella Bonnici issa jmexxi Destination Europe flimkien ma’ Charlon Gouder, l-avukat ta’ Joseph Muscat u ta’ gruppi kbar tal-kostruzzjoni, u jaħdem ukoll bħala “lobbyist” tal-industrija tal-ħut, li ta’ spiss tkun fl-aħbarijiet minħabba t-tniġġis ta’ ibħra u rħula.

Destination Europe tgħid li hija “multidisciplinary company offering a broad range of immigration related services” u li hija “an accredited agent for Malta citizenship and residence programs.”

Fl-2015, meta Joe Vella Bonnici kien għadu president eżekuttiv ta’ Identity Malta, numru ta’ ħaddiema ġew arrestati u investigati fuq allegazzjonijiet ta’ ħruġ frodulenti ta’ passaporti. Din l-investigazzjoni b’xi mod ma nvolvietx lil Vella Bonnici, li dak iż-żmien kien jaqa’ taħt Alex Muscat, Segretarju Parlamentari għaċ-ċittadinanza.

L-istess Muscat spiċċa twarrab mill-PL b’mod silenjuż ħafna wara l-elezzjoni tal-2022: sena wara kien kostrett jirribatti allegazzjonijiet dwar frodi tal-passporti li saru fil-konfront tiegħu minn ex-segretarju tal-każin Laburista ta’ Ħal Balzan.

“EJJA ĦA NAĦDMU”

Il-kampanja elettorali ta’ Marc Vella Bonnici ilha għaddejja b’ċertu qawwa sa minn Jannar. Madankollu, fix-xahar li fih St Patrick’s kisbu l-promozzjoni għall-kampjonat, Vella Bonnici – li Żabbari mhuwiex – dawwar il-kanuni fuq is-Sindku attwali ta’ Ħaż Żabbar, Jorge Grech, billi qal li Ħaż Żabbar jeħtieġ tmexxija ġdida.

F’dik li qisha kontinwazzjoni tas-saga tal-indirizzi fis-Siġġiewi, Vella Bonnici, li la huwa Żabbari u lanqas huwa residenti, ukoll irreġistra ruħu fuq indirizz ta’ ħaddieħor sabiex ikun jista’ jikkontesta l-elezzjoni f’dan ir-raħal.

Kampjun tal-karta tal-vot jindika l-indirizz irreġistrat minn Vella Bonnici. Ritratt: Marc Vella Bonnici (Facebook)

Skont ir-reġistru elettorali, fl-indirizz li fih huwa rreġistrat is-Segretarju Internazzjonali tal-PL tirrisjedi persuna oħra bil-kunjom Xuereb.

Ritratt: Sit web tal-Kummissjoni Elettorali

L-offensiva ta’ Vella Bonnici tinkludi l-isponsorizzazzjoni ta’ numru ta’ għaqdiet lokali u proġetti tagħhom. Dan huwa parti mill-elenku ta’ għaqdiet li Vella Bonnici “għen” tul ix-xhur li għaddew, u li permezz tagħhom qed jagħmel il-kampanja elettorali tiegħu:

Il-valur tad-donazzjonijiet ġie speċifikat darba biss, u huwa naturali li jitqajmu mistoqsijiet dwar in-nefqa ta’ Vella Bonnici fil-kampanja, speċjalment dwar il-provenjenza ta’ dawn il-flus.

Sadanittant, Vella Bonnici ma ddejjaq xejn iwaħħal banners elettorali mal-proprjetajiet ta’ parti terzi, prattika li sa ftit tax-xhur ilu kienet tmur kontra r-regoli stabbiliti miż-żewġ partiti l-kbar.

Ħafna iswed, ebda isfar: billboard ta’ Vella Bonnici fuq proprjetà ta’ terzi. Ritratt: Il-Kollettiv

Preżenti wkoll fil-propaganda ta’ Vella Bonnici nsibu lill-istess Kevin Deguara: fit-18 ta’ April, id-duo kien deher f’ritratt fuq il-paġna tal-kandidat Laburista. “Din it-tbissima għandha storja ta' ħolma li se ssir realtà,” jikteb Vella Bonnici, “u li se nkunu qed inħabbru dalwaqt sieħbi Kevin Deguara u jien.”

It-tħabbira, preżumibilment dik li tirrigwarda l-iżvilupp tal-kumpless sportiv ta’ St Patrick’s, baqgħet ma saritx minħabba l-pubblikazzjoni tal-aħbarijiet dwar l-inkjesta tal-Vitals, li tinvolvi lil Deguara fil-lista tal-akkużati.

Issa li Deguara tilef ħafna mill-popolarità tiegħu minħabba l-investigazzjoni tal-Vitals – li swietlu postu anke bħala direttur ta’ Dizz Group – it-tqegħid ta’ Vella Bonnici bħala Sindku ta’ Ħaż Żabbar hija intiża biex tmewwet għal kollox kwalunkwe oppożizzjoni tal-Kunsill Lokali u tar-residenti lejn il-kumpless sportiv.

Il-ħames parti ta’ din is-serje tiġi ppubblikata fil-ġranet li ġejjin. Ara s-serje kollha hawn.