Pjanijiet Lokali: l-isfreġju wara l-Mina

Grupp ta’ residenti minn Ħal Safi lbieraħ iltaqgħu fi Triq San Pawl għal konferenza stampa fejn tkellmu kontra l-applikazzjoni sabiex jinbnew 29 appartament u stabbiliment kummerċjali (b’żewġ sulari garaxxijiet imħaffra taħthom) fid-daħla tar-raħal.

Ritratt: Residenti ta’ Ħal Safi

Din il-binja mistennija tieħu post abitazzjoni ta’ sular wieħed, eżattament f’tarf iż-Żona ta’ Konservazzjoni Urbana ta’ Ħal Safi.

Tul il-konferenza stampa tkellem Saviour Sammut, li diġà kien attiv fil-kampanja sabiex ma tinbeniex djar tal-anzjani fiż-żona tal-Għadir.

Sammut qal li dan l-iżvilupp se jdaħħal 29 familja minflok waħda. “Din hija triq dejqa fil-qalba tar-raħal li se tintlaqat b’mod negattiv mit-traffiku li se jiżdied sabiex dawn jidħlu u joħorġu mill-bini. Din il-proposta se tirvina d-daħla għar-raħal tagħna u d-dehra tat-triq, u se tinkiser ġiebja antika mibnija bl-arkati li tinsab taħt il-bini ta’ sular wieħed.”

Sammut appella sabiex il-gvern jipproteġi ż-żoni urbani, u talab sabiex il-UCA ta’ Ħal Safi tiġi estiża sa tarf Triq San Pawl, li hija d-daħla tar-raħal.

Saviour Sammut. Ritratt: Residenti ta’ Ħal Safi

Jorge Spiteri, perit, ukoll indirizza l-konferenza stampa u qal li fil-proposta għall-iżvilupp hemm elementi li maħsuba biex jiżgwidaw. Spiteri qal li l-applikazzjoni ma messhiex tiġi aċċettata fuq il-bażi tal-informazzjoni li ġiet sottomessa, u li applikazzjonijiet simili f’żona ta’ tranżizzjoni mal-UCA għandhom jiġu rrifjutati. 

Ħal Safi huwa raħal ieħor li qed jibda jaqa’ taħt l-assedju tal-kostruzzjoni, frott ukoll tal-Pjanijiet Lokali tal-2006. Fil-ġimgħat li għaddew l-Għaqda Residenti taż-Żurrieq talbet li dawn il-pjanijiet jiġu riveduti, anke fid-dawl tal-applikazzjoni sabiex jinbnew tmiem kbar ta’ art fin-Nigret u f’Tal-Bebbux.

Fiż-Żurrieq, kif ukoll fil-Qrendi u fl-Imqabba, l-għajta kontra l-kostruzzjoni qed tikber minħabba l-fatt li dawn l-irħula – skont il-pjanijiet imfassla minn George Pullicino fl-2006 – se jispiċċaw prattikament mingħajr żona ta’ konfini. Iċ-ċirku ta’ żviluppaturi (li spiss jinħbew wara żviluppaturi iżgħar) jispekulaw fuq l-art agrikola, megħjuna mir-“rationalisation plan” li fetħet żoni ġodda għall-iżvilupp fl-2016, qed iħallu impatt ikrah fuq dawn il-lokalitajiet. 

F’Ħal Safi, ir-residenti qed ilestu biex jiġġieldu proġett ieħor fiż-żona magħrufa bħala ta’ Amparell, fejn l-iżviluppatur Joseph Portelli jrid jibni 400 appartament – f’raħal fejn jgħixu 2000 ruħ.

Dawn l-eżaġerazzjonijiet huma l-frott tal-Local Plans li, miktuba tmintax-il sena ilu, jeħtieġu reviżjoni xierqa u mill-iżjed fis. Fix-xhur li għaddew, il-Gvern ikkontradixxa l-għajta tiegħu li l-Local Plans ma jistgħux jinbidlu minħabba d-drittijiet tas-sidien tal-art: minkejja t-talba ta’ €24m mill-iżviluppaturi tal-Qala, il-PM Abela wiegħed li se jirrevedi l-pjanijiet lokali sabiex ma jiġi permess ebda żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien, filwaqt li wiegħed ukoll li se jibdel il-pjanijiet lokali ta’ Marsaskala wara l-kwistjoni tal-marina.

Abela, madankollu, evita li jsemmi ż-żoni tan-Nigret u tal-Bebbux meta qal li l-art pubblika għandha tibqa’ għall-pubbliku; mhuwiex ċar għalfejn, fil-każ tal-irħula tal-Punent, Abela mhux jitkellem dwar bidliet fil-pjanijiet lokali.

Previous
Previous

Total Football (3)

Next
Next

Il-BCA: mix-xejn sa fejn?