Residenti magħqudin kontra l-Local Plans

Residenti minn seba’ lokalitajiet differenti se jingħaqdu f’konferenza stampa konġunta nhar il-Ħadd fil-pjazza taż-Żurrieq, fejn se jitolbu li jiġu riveduti l-Local Plans tal-irħula tagħhom.

Fl-ewwel konferenza ta’ din ix-xorta, residenti miż-Żurrieq, il-Qrendi, Ħal Safi u s-Siġġiewi qed jingħaqdu ma’ dawk ta’ Marsaskala, iż-Żejtun u Birżebbuġa f’għajta waħda u ċara għal reviżjoni ta’ dawn il-liġijiet tal-ippjanar.

Miktuba fl-2006 fi żmien meta George Pullicino kien il-Ministru għall-Ambjent, dawn il-Local Plans mhux biss ippermettew żieda fl-għoli tal-bini iżda intensifikaw il-kostruzzjoni madwar il-pajjiż. L-eżerċizzju ta’ “rationalisation” wassal sabiex tmiem kbar ta’ art verġni jinfetħu għall-iżvilupp fl-2016, u dan issarraf f’eżerċizzju kbir ta’ spekulazzjoni fuq l-artijiet tal-Gvern, fejn dawk li xtraw artijiet saħansitra qabel ma ħarġu l-Local Plans issa se jagħmlu profitt enormi mill-bejgħ tal-appartamenti mibnija.

Assedjati minn żviluppi sproporzjonati f’ODZ jew fit-tarf taċ-ċentri tagħhom, dawn ir-residenti issa qed jingħaqdu sabiex jitolbu reviżjoni tal-pjanijiet, b’mod li ma tibqax titnaqqar il-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Il-konferenza stampa se tinżamm nhar il-Ħadd fl-10.30. Ara l-paġna tal-konferenza hawn.

Previous
Previous

Lejn Riforma fl-Ippjanar

Next
Next

Bla Dawl, Ilma u Drittijiet