Lejn Riforma fl-Ippjanar

Numru mdaqqas ta’ għaqdiet tar-residenti ngħaqdu flimkien u talbu lill-Gvern iniedi reviżjoni tal-pjanijiet u l-politiki tal-ippjanar sabiex ikunu jirriflettu aktar ir-realtajiet li jaffaċċjaw ir-residenti llum. Il-gruppi se jippreżentaw it-talbiet tagħhom dwar din ir-reviżjoni fil-jiem li ġejjin.

Il-Perit Ruben Abela (Wirt iż-Żejtun), wieħed mill-awturi tal-Local Plans, qal li l-pjanijiet tal-2006 ġew maħduma minn professjonisti u rvinati mill-indħil politiku. Ritratt: Glenn Muscat.

Waqt konferenza stampa fiż-Żurrieq - l-ewwel tax-xorti tagħha organizzata totalment mir-residenti - il-gruppi sejħu għal moratorju immedjat fuq l-inħawi tar-razzjonalizzazzjoni u l-iffriżar tal-applikazzjonijiet, u dan sakemm isiru l-istudji neċessarji għal titjib tar-regolamenti.

“Ma nistgħux nibqgħu niddependu fuq pjanijiet miktuba fl-2006 li effettivament sarrfu f’meded fuq meded rurali, u kultant anki art pubblika, li ttieħdu għall-kostruzzjoni aktar minn 20 sena ilu. L-eżerċizzju tar-razzjonalizzazzjoni kellu effetti diżastrużi fuq il-lokalitajiet tagħna, qered l-ispazju bejn raħal u ieħor, u witta art tajba għar-raba’ u spazji oħra. Dan qeda biss lill-ispekulaturi tal-art,” qalu l-gruppi flimkien.

Kelliema minn diversi bliet u rħula qablu li jekk se jkun hemm emendi fil-pjanijiet, dawn għandhom isiru bil-ħtiġijiet tar-residenti fil-qalba tagħhom, u jissejsu fuq ir-realtajiet tal-lum. Urew ukoll id-diżapprovazzjoni tagħhom lejn il-proposti ssuġġeriti għall-politika tad-DC15, li se żżid in-numru ta’ sulari permessi għall-bini, u dan kollu f’wiċċ il-pubbliku ġenerali u s-soċjetà ċivili li ilhom tant isejħu għal tnaqqis fl-attività tal-bini.

“Fil-Pjan Lokali hemm proviżjonijiet li għandhom ikunu rrispettati, madankollu l-politiki u l-linji-gwida tal-ippjanar - li bosta drabu ddaħħlu nkiss inkiss - affettwaw l-interpretazzjoni ta’ dawn il-pjanijiet u aktar iva milli le, injoraw il-proċessi streteġiċi li kien hemm. L-awtoritajiet u dawk li jiddeċiedu huma responsabbli għal dan, u kemm-ill darba bi ħsieb interpretaw ħażin il-Pjan Lokali u politiki oħra sekondarji sabiex jagħtu r-riħ għal aktar kostruzzjoni”, komplew l-għaqdiet.

Ir-residenti taż-Żurrieq, il-Qrendi, Ħal Safi, is-Siġġiewi, Wied il-Għajn, iż-Żejtun u Birżebbuġa saħqu li l-Pjan Lokali kellu effett qawwi u ħażin fuq il-lokalitajiet tagħhom, u ġab miegħu damma ta’ sfidi li ħallew lir-residenti waħedhom u ffrustrati, u bil-kwalità tal-ħajja tagħhom tieħu daqqa ’l isfel.

Ir-residenti u xi rappreżentanti lokali tagħhom iltaqgħu ż-Żurrieq għal din il-konferenza stampa. Ritratt: Glenn Muscat

Matthew Borg, teżorier tal-grupp ta’ attivisti Il-Kollettiv, introduċa l-konferenza, u warajh tkellmu Justin Attard (l-Għaqda Residenti taż-Żurrieq), il-Perit Jorge Spiteri (Residenti Ħal Safin), Adriana Cassar Camilleri (Residenti tal-Qrendi), il-Perit Ruben Abela (Wirt iż-Żejtun), Jacqueline Rotin (Marsaskala Residents Network), Andre Vella (l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa), u Russell Attard (Siġġiwin Nieħdu Azzjoni).

Justin Attard mill-Għaqda Residenti taż-Żurrieq qal li mindu l-għaqda twaqqfet sena ilu biex tikkumbatti l-applikazzjonijiet massiċċi fin-Nigret, indunaw kemm ir-residenti qed jgħaddu minn tbatijiet u inkwiet minħabba l-ispekulazzjoni tal-art li ġabet miegħu r-razzjonalizzazzjoni tal-Pjan Lokali fl-2006. “Iż-Żurrieq iddaħħlu mal-14-il zona għall-bini fl-2006, ħafna minnhom art tal-Gvern, u jekk dawn jinbnew kif qed isir bħalissa, ir-raħal jitlef il-karatteristiċi ewlenin li jagħmluh dak li hu”, filwaqt li semma esperjenzi ta’ diqa li r-residenti tan-Nigret u tal-Bebbux irrakkuntawlu, tort ta’ bini madwarhom li ma jirrispettax l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Abela, perit li kien uffiċjal jaħdem mal-MEPA meta l-Pjan Lokali kien qed jinkiteb, qal li x-xogħol warajh sar minn professjonisti lura fl-2006, iżda ċċappas mill-indħil tal-politiċi. Sostna li l-Awtorità tal-Ippjanar tilfet ħafna mis-setgħa li kellha minħabba dan l-indħil, saħansitra biex isir it-tibdil neċessarju fil-Pjan Lokali wieħed irid imur jittallab il-barka tal-politiċi. Semma kif fiż-Żejtun il-wegħda għal reviżjoni tal-Pjan Lokali baqgħet fuq l-ixkaffa. Abela wissa li d-DC15 qed tkun interpretata kif jaqbel lil xi wħud biss, u li allura se żżid l-għadd ta’ sulari fil-bini.

Il-Perit Jorge Spiteri, ukoll eks uffiċjal l-Awtorità tal-Ippjanar, qal li normalment Pjan Lokali jkun rivedut kull 10 snin, iżda dan tal-2006 u baqa’ l-istess. Ta eżempji ta’ applikazzjonijiet qarrieqa min-naħa tal-iżviluppaturi, li dawn joftqu proġett kbir f’ħafna proġetti żgħar biex jgħattu l-impatt fuq il-lokalità. Sejjaħ għal moratorju fuq l-applikazzjonijiet ġodda sakemm ikun hemm il-bidliet meħtieġa, anki sabiex ma jkunx hemm aktar applikazzjonijiet mhux veritiera bħal dawn.

Il-Marsaskala Residents Network kienu rrappreżentati minn Jacqueline Rotin, li saħqet li r-regolamenti qegħdin hemm sabiex jipproteġu lir-residenti u lill-lokalità mill-kostruzzjoni massiċċa. Qalet li l-Pjan Lokali ta’ Wied il-Għajn aktar kerrah milli sebbaħ lill-post, u li min-naħa tagħhom il-grupp qed jagħmel pressjoni biex jinbidel il-Pjan Lokali. Dan wassalhom sabiex iwaqqfu l-bini ta’ yacht marina f’Wied il-Għajn.

Jacqueline Rotin (Marsaskala Residents Network). Ritratt: Glenn Muscat

Rotin semmiet sondaġġ li għamlet l-għaqda, li wera kif ir-residenti qed iħossuhom stressjati, u li bosta jemmnu li l-bajja għandha tkun protetta u li l-kostruzzjoni sseħħ b’mod li jagħmel sens. Enfasizzat li r-residenti għandhom ikunu kkonsultati dejjem fuq affarijiet li jaffettwawhom.

Russell Attard minn Siġġiewi Nieħdu Azzjoni qal ukoll li r-regolamenti tal-ippjanar kerrhu lil raħlu. Tkellem kontra proġetti massiċċi b’mijiet ta’ appartamenti li jispuntaw f’postijiet fejn jistunaw bil-kbir mal-madwar. Fakkar li jekk il-ġid jintiret, mela anki d-deni. Għalaq billi talab għall-għaqda bejn ir-residenti u l-ħidma bejniethom lil hinn mill-piki politiċi.

Is-Segretarju tal-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa, Andre Vella, sostna li n-nuqqas ta’ ppjanar bis-sens f’Birżebbuġa wassal għal densità ta’ bini, żieda fit-traffiku u fil-problema tal-parkeġġ. Talab għal reviżjoni fil-Pjan Lokali ta’ Ħal Far, fejn hemm medda ta’ art verġni mhedda mill-espansjoni taz-zona industrijali - fosthom Wied Żnuber. Semma wkoll kemm hemm bżonn ta’ spazji miftuħa f’Birżebbuġa.

Għall-konferenza attendew ukoll gruppi mill-Marsa, is-Swatar, Tas-Sliema, l-Imqabba u Marsaxlokk. Ir-residenti tal-Belt Valletta taw is-sapport tagħhom, u anki Din l-Art Ħelwa li bħalissa qiegħda tikkampanja kontra l-bdil fil-politika tad-DC15. 

Il-gruppi msemmija se jkunu qed jippreżentaw damma ta’ proposti sabiex issir reviżjoni tal-ippjanar, u talbu lill-awtoritajiet jikkonsultawhom dejjem fuq deċiżjonijiet li jaffettwawhom direttament.

Previous
Previous

Appoġġ lill-Barklori

Next
Next

Residenti magħqudin kontra l-Local Plans