Eżempji li jkaxkru

Qari mill-ktieb ta' Robert Abela:

"Bħal dan iż-żmien sentejn f’kampanja elettorali kont wegħedt li ż-Żonqor jingħata lura n-nies. Hekk għamilna."

Mhux dak biss ġara sentejn ilu: ġara li qam raħal sħiħ kontra l-marina u Ministru partikolari baqa' jagħfas favuriha fil-midja. Ġara li niżlet id-diriġenza tal-partit u semgħet biċ-ċar mingħand id-delegati li l-marina ma riduhiex. Ġara li r-rabja tant kienet kbira li kellek familjari ta' deputati tiegħek stess jattendu l-protesti.

Ġara li survey li kien qed jagħmel Marmarà kkonferma li kontu se titilfu xkora voti; kienet tidher kerha li tagħti ż-Żonqor lil Sadeen (ħalliha li laħqu fottewh tal-Bewla).

Sentejn wara l-elezzjoni ġenerali, resqin lejn dawk lokali.

L-awgurju tiegħi għal Wied il-Għajn huwa li tinqered imqar parti mis-sistema li wasslet biex ir-raħal isir il-bandli tal-iżviluppaturi, lukandiera, ristoraturi u galantomi varji li minħabba fihom ma tistax timxi fuq bankina jew tgawdi x-xatt fis-sajf.

U ta' dan hemm ħtijiet fost il-kunsilliera u d-deputati eletti mid-distrett; biex nagħti eżempju ċkejken, hemm min għandu kunflitt ta' interess qawwi mhux iddikjarat fir-rigward tal-marina, u ma ħaqqux jerġa' jirrappreżenta lil Wied il-Għajn. Trid tkun "bla moħħ" (jippermettili nikkwotah) biex terġa' tivvutalu.

Oħrajn huma ħatja li ma qalu, semgħu, raw, xammew u messew xejn sakemm ir-residenti mexxew il-ġlieda kontra forzi ikbar minnhom.

Dak iż-żmien ir-rebħa tal-marina messha ġiet iċċelebrata; illum, qabel elezzjoni oħra, ħaqqha tiġi kkonsolidata. Bil-ħila tar-residenti, inbidel il-Local Plan ta' Wied il-Għajn; rebħa kkonfermata mil-liġi.

Nittama li f'Wied il-Għajn, u mhux biss, jitfaċċaw kandidati indipendenti li jħobbu 'l pajjiżhom u l-istorja tiegħu, u li lesti jaħdmu għat-tajjeb tal-komunitajiet.

J'alla l-eżempju li ta Steve Zammit Lupi b'ħidmietu f'Ħaż Żebbuġ ikun l-eżempju li jkaxkar għal Ġunju li ġej.

Previous
Previous

Il-Ħoss tal-Kartelli

Next
Next

Ghana ta’ Wġigħ