Il-Ħoss tal-Kartelli
L-importaturi tal-ikel, jiġifieri dak il-kartell li jiddeċiedi x'għandna nieklu u b'liem prezz, jgħid li t-talbiet tal-bdiewa mhumiex "realistiċi" u li mingħajr l-importazzjonijiet tal-ikel il-pajjiż imut bil-ġuħ.
Bilfors jgħidu hekk; meta żżomm pajjiż ostaġġ tal-profitti tista' prattikament tgħid li trid. U filfatt, kull rawnd ta' sussidji li joħroġ mill-gvern - fl-ikel, bħalma fl-enerġija - imur dritt fil-bwiet ta' min jikkontrolla s-suq, u mhux tas-suq innifsu.
Huwa għalhekk li mal-prodotti taħt il-marka ta' "Stabbiltà" issib ċhips u karrotti tal-friża, pereżempju; sadanittant, pajjiżna jesporta l-patata lejn l-Ewropa.
L-istabbiltà ġiet, bħal dejjem, għal min hu sod biżżejjed biex jilgħab bl-istabbiltà tas-suq.
Komda l-miżinformazzjoni, u konvenjenti l-attakki fuq il-bdiewa. Nazzarda ngħid li kieku tinħadem il-ħamrija kollha kapaċi għall-qamħ, konna nipproduċu u naħżnu l-qamħ mhux biex nitimgħu pajjiż, iżda biex jonqos l-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna fuq il-prezzijiet tal-ħobż.
Minjaf, kieku nħadmu l-artijiet ODZ kollha li ngħataw għas-supermarkits, konniex nintradmu mill-inflazzjoni b'dan il-mod; forsi hawn min jemmen li Malta speċjali u li l-ekonomija tipproteġina mill-bqija tas-suq "ħieles."
Naraha ipokrezija kbira li l-gvern joħroġ sussidji kbar għall-importaturi tal-ikel, lill-importaturi tal-karozzi, lill-iżviluppaturi, nefaq ġidu fuq l-AirMalta li kellha tingħalaq xorta, u għall-biedja xejn; ħlief xi skema fuq il-biedja organika meta l-problema hja l-aċċess tal-bdiewa għar-riżorsi, speċjalment l-art.
Ideat biex jissaħħaħ is-settur permezz ta' iżjed ħaddiema, imħallsa pagi diċenti, intlaqgħu bl-iskuża ta' "l-UE ma tippermettix għajnuna mill-istat," minkejja li l-istat xeba' jgħin negozjanti.
Tikteb Jeanette Borg, Malta Youth in Agriculture:
"L-importaturi, madankollu, għandhom il-wiċċ jgħidu li l-prodott lokali mhuwiex ta' kwalità. Dan l-argument jitfa' lil kulħadd fl-istess keffa u huwa konvenjenti sabiex il-bdiewa u r-raħħala jibqgħu b'rashom mgħaddsa. Dawn l-importaturi għandhom l-istonku jgħidu li l-prodott barrani huwa superjuri. Superjuri fiex? Fil-carbon footprint? Fil-cocktail ta' pestiċidi, li jekk telenkah jiġi itwal mil-lista tax-xirja li jagħmlu l-ġenituri qabel tibda l-iskola ta' wliedhom?"
"Il-metodi ta' produzzjoni huma tal-waħx. Nistgħu nagħmlu ferm aħjar billi nsostnu l-prodott lokali, li għandu benefiċċji ikbar minn dak importat. Wasal iż-żmien li l-benessri tal-konsumatur, mhux il-profotti, jkunu l-prijiorità. Il-prodott lokali huwa ta' kwalità, il-kwistjoni hi li hemm bżonn iċ-ċertifikazzjonijiet u titjib fil-katina tal-provvista. U dan jeħtieġ is-saħħa kollettiva tal-organizzazzjonijiet u l-kooperattivi tal-produtturi - saħħa li neqsin minnha." (http://tinyurl.com/ertxjdnw)