L-inġustizzja fit-tqassim tal-ġid
Fit-12 ta’ Awwissu qrajna li 90% tal-ġid f’Malta jinsab għand 10% tan-nies.
Dan ifisser li t-tqassim tal-ġid mhux isir b’mod ekwu u għalhekk id-distakk ekonomiku bejn min għandu ħafna ġid u min m’għandux huwa kbir mhux ħażin. Jidher ċar ukoll li t-trickle down economy hija biss mit, u fil-verità dan-nies, iktar ma jkollhom qligħ, aktar ikabbru l-mejda tagħhom ħalli lanqas farka ma taqa’ għand ħaddieħor.
Hawn min jgħidlek li n-negozjant ħa riskju u investa flusu, u permezz ta’ dan ir-riskju qed iħaddem bosta nies. Naf fiċ-ċert li dawn in-negozjanti mhux se jħaddmu ħames ħaddiema jekk jistgħu jgħaddu billi jbażwru erbgħa. Barra minn hekk, mhux se jħallsu għaxar Ewro s-siegħa jekk xi ħadd jipprovdilhom ħaddiem li (jkollu) jaċċetta jaħdem għal ħames Ewro.
Per eżempju, boutique hotel lussuż, bi 13-il kamra, iħaddem receptionist li fil-lukanda tkun waħedha u għalhekk minbarra li tieħu ħsieb telefonati, c-check-ins u check-outs, tieħu ħsieb tipprepara l-imwejjed għall-kolazzjon u taqdi l-klijenti waqt il-kolazzjon, tieħu ħsieb il-klijenti li jkunu fejn il-pixxina – tqassmilhom ix-xorb u t-tnaqqir li jitolbu, u barra minn dan kollu, tieħu ħsieb dak kollu li jinqala’ matul il-ġurnata anke jekk hemm bżonn titnaddaf kamra urġenti, jew instadd shower u mtela’ kullimkien ilma. Dan kollu għal 8 Ewro s-siegħa!
Imbagħad issib lil tal-housekeeping, li jitħallsu l-paga minima u jridu jnaddfu l-hotel kollu, kuljum. Mhux hekk biss imma jridu jħallsu minn buthom kors tal-food handling li jiswa ‘l fuq minn mitt Ewro, u bil-ġid kollu li għandu min iħaddimhom, mhux lest joħroġ sold biex itaffilhom il-piż.
U xi ngħidu għal min jaħdem mal-kuntratturi l-kbar li għandna fil-pajjiż li jkollhom il-proġetti li jridu jitlestew maż-żmien stipulat? Naf min li xi drabi jaslu t-tmienja ta’ filgħaxija jkunu għadhom għaddejjin bix-xogħol. Timmaġinawkom taħdmu fuq sit ta’ kostruzzjoni għal aktar minn tnax-il siegħa? U fi klima bħal tagħna? Jista’ jkun li dawn ma jkunux okkażżjonijiet regolari, imma lanqas darba biss m’għandha tiġri xi ħaġa hekk. Imbagħad ngħidu kemm jinqala’ għan-negozju, kemm hu kapaċi r-raġel, meta dan qagħad fl-arja kkundizzjonata u ħaddieħor ħadem għalih.
Isiru miljunarji żgur li mhux bl-għaraq ta’ xbinhom! Jagħmlu l-flus minn fuq it-tbatijiet u s-sagrifiċċji ta’ ħaddieħor. Il-ħaddiem iż-żgħir li jrid jaħdem żewġ xogħlijiet biex jikri, jiekol u jħallas il-kontijiet qed imantni lis-sinjurun. Dik ironija! Id-drittijiet tal-ħaddiema tant tnaqqru li ħafna minnhom jaħdmu daqs li kieku skjavi, speċjalment dawk li ma jkollhomx familja fuq min jistrieħu, jew dawk li qed joffru sostenn lil familthom barra minn Malta.
Il-liġijiet diġà ma jħarsux wisq lill-ħaddiem iż-żgħir, speċjalment lil dak li jissejjaħ Third Country National (għax anke hawn nagħmlu ġerarkija ta’ privileġġati u oppressi). Min iħaddem sar idur mal-liġijiet li donnhom miktubin biex joħolqu lakuni legali, biex min għandu l-poter jisfrutta liż-żgħir kemm jiflaħ.
L-inugwaljanza fit-tqassim tal-ġid tħalli effetti xejn pjaċevoli fuq is-soċjetà. L-ewwel nett, is-sinjurun jista’ jkollu kontroll kbir fuq il-ħajja tan-nies – fejn u kif jaħdmu dawk li huma ekonomikament vulnerabbli, dak li kapaċi jixtru u anke kif dawn in-nies jaraw lilhom infushom.
Dan jiġri kemm minħabba n-narrattiva li tinħoloq dwarhom, per eżempju li huma bla ħiliet, jew li ma għandhomx kwalifiki biżżejjed, kif ukoll minħabba l-vuċi b’saħħitha u l-influwenza li l-privileġġjati jista’ jkollhom fil-midja.
Min ikollu ħafna ġid, u allura ħafna poter, jinfluwenza deċiżjonijiet li jkun se jieħu l-gvern dwar il-liġijiet jew it-tħaddim ta’ politika. Narawh sfaċċatament meta jkun hawn kampanji elettorali u tarahom jagħtu d-donazzjonijiet li mbagħad jissarfu f’kuntratti, jew fit-tgħawwiġ tar-regolamenti biex igawdu d-donaturi. L-inugwaljanza fit-tqassim tal-ġid tħalli effett fuq kull aspett tas-soċjetà. Aktar ma tikber il-qasma bejn is-sinjur u l-fqir, iżjed tiżdied it-tensjoni fis-soċjetà, imma mhux biss.
Minħabba f’hekk jonqos il-potenzjal ta’ ekonomija li hi inklussiva. Hemm bżonn nisħqu għal tibdiliet sistemiċi li jmexxu ‘l quddiem it-tqassim tal-ġid b’mod ġust. Meta nindirizzaw din l-isfida inkunu nistgħu nibnu t-tama għal soċjetà fejn il-ġid u l-prosperità jgawdi minnhom kulħadd.