#tkunxrazzist trid tingħad lill-istituzzjonijiet

Id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem nieda #TKUNXRAZZIST, kampanja li ġiet daqsxejn tard, għalkemm aħjar milli ma waslet qatt.

Poster tal-kampanja #tkunxrazzist

Ir-razziżmu mhux xi ħaġa li bdiet issa u sfortunatament il-politiċi spiss jużaw ir-razziżmu biex jew jidhru ħelwin jew jirbħu argument.

Fis-sebgħinijiet, meta Dom Mintoff beda jġib l-investiment mil-Libja lejn Malta, il-Partit Nazzjonalista kien jgħajjar lil-Libjani “tal-ħabbażiż”, biex anke jirredikola l-politika ta’ Mintoff.

Meta ridna nidħlu fl-Unjoni Ewropea, u allura ridna li nkunu Ewropej ‘bojod’ ħafna aktar milli verament aħna, Ugo Mifsud Bonniċi, meta indirizza l-Kungress Nazzjonali dwar l-identità kulturali Maltija kien qal, “tkellimna bi lsien li żammejna u għanejna, iżda li neħħejna minnu l-eċċessi ta’ ħsejjes ħarxa” (Mifsud Bonnici, U. (1998). L-identità kulturali ta’ Malta. In Cortis, T. (Ed). L-Identità Kulturali ta’ Malta.). Dan hu referenza ċara għall-ħsejjes li ġejjin mill-Għarbi u li aħna “neħħejna” bħallikieku dan kien att konxju biex nitbiegħdu minn dak li sawwarna maż-żmien, sabiex nieħdu l-identità mistħajla superjuri ta’ Ewropej.

Meta Adrian Delia, f’dibattitu fl-2019, ikkritika l-politika tal-gvern ta’ Muscat li ried li l-ekonomija tikber, u b’hekk bdew jiġu jaħdmu Malta ħafna immigranti mill-Ewropa u l-pajjiżi terzi, Muscat wieġeb li l-ħaddiema barranin bżonjużi, għax ma jridx jara Maltin jaħdmu fix-xemx u jiġbru ż-żibel.

Ma’ dawn nistgħu nsemmu drabi oħrajn fejn il-politiċi taż-żewġ naħat kienu razzisti f’diskorshom. Għaliex huwa importanti dan kollu? Qed ngħid li r-razziżmu hu kollu tort tal-politiċi?

Le, sfortunatament ir-razziżmu minn dejjem kien preżenti, iżda żgur mhux mifrux u persistenti daqs kemm hu llum. Il-politikanti lleġġittimizzawh b’diskorshom. Meta bdew jaraw il-lemin estrem iqajjem rasu u n-narrattiva li beda jxerred bdiet tikseb il-popolarità, minflok xejnuha ħafna politikanti rikbu fuq il-karru tagħha huma wkoll, biex jiżguraw li s-segwaċi jibqgħu leali lejhom.

Tant hu hekk, li l-gvern sar iħaddan politika bla ruħ, kattiva u nieqsa minn kull kompassjoni fejn jidħlu l-barranin. Fl-2021 Byron Camilleri kien qal li l-immigranti ekonomiċi “ma nistgħux naċċettawhom għax qed jieħdu post dawk li tassew għandhom bżonn protezzjoni u ażil.” Camilleri, madankollu, xejn ma jiddejjaq iħalli lil dawn tal-aħħar f’nofs ta’ baħar, jew saħansitra jegħrqu.

Dan hu l-messaġġ li qed iwassal lill-poplu – li ħajjet dan-nies ma tiswiex, għax foqra, għax suwed. Allura mhux ta’ b’xejn nisimgħu b’inċidenti fuq is-siti ta’ kostruzzjoni fejn min iħaddimhom lanqas ikun jaf isem min iweġġa’ jew saħansitra jmut.

Issa f’daqqa waħda, ġiet id-daqqa tal-komunità Etjopjana. Bla mistenni l-pulizija bdiet titfa’ l-membri ta’ din il-komunità fiċ-ċentru ta’ detenzjoni biex jintbagħtu lura pajjiżhom, uħud wara għexieren ta’ snin jgħixu hawn Malta; meta uliedhom ma jafu mkien ħlief Malta.

Protesta tal-immigranti f'Malta, Jannar 2024. Ritratt: Chris Sant Fournier/Times of Malta

F’daqqa waħda ma ġeddewlhomx id-dokumenti – u hekk, kiesaħ u biered – farrku kull ħolma li seta’ kellhom dan-nies. Qishom xi biċċa għamara li dejqitna u ddeċidejna li nitfgħuha ‘l barra.

Ta’ min jistaqsi għalfejn l-Etjopjani kienu l-mira, u għalfejn issa? F’għoxrin sena seta’ faċilment ġie rregolarizzat l-istatus tagħhom b’imqar farka rieda tajba.

Barra minn hekk, nistgħu ninnutaw li l-Pulizija ta’ spiss qed iddur għall-persuni li qed jgħixu Malta “illegalment”, mill-frekwenza tal-aħbarijiet fil-gazzetti. Dawn b’xi kumbinazzjoni qatt ma jkunu bjondi. Imbagħad nistagħġbu għax tiftaħ il-kummenti taħt kull artiklu u jaqbdek id-dardir taqra kummenti razzisti.

Il-kampanja #TKUNXRAZZIST hi tassew bżonjuża, iżda teħtieġ sforz ikbar jekk trid tkun effettiva; dan billi n-nies li għandhom xi tip ta’ poter jagħrfu li l-azzjonijiet tagħhom huma razzisti u jaraw li jibdluhom.

Inutli noħolqu kampanja kontra r-razziżmu, u ma nħarsux lejn dak li qed jiġri fl-iskejjel, fuq il-postijiet tax-xogħol, f’postijiet tad-divertiment u f’dak li jiktbu l-ġurnalisti.

X’jiswa li ngħajtu #TKUNXRAZZIST u l-qattiela ta’ Lassana Cisse għadhom jiġru barra?

Kif qatt ma nisimgħu b’azzjoni li tittieħed kontra dawk li jkollhom ħaddiema barranin li jkorru jew imutu fuq il-lant tax-xogħol?

Se jibqa’ għaddej l-isfruttament tal-ħaddiema barranin, speċjalment dawk li ġejjin minn pajjiżi terzi?

X’tiswa kampanja kontra r-razziżmu meta l-pulizija ddur għal min ikun vulnerabbli u sfruttat minflok għal min qed jisfruttahom?

Bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti, u l-kampanja #TKUNXRAZZIST ma tiswa għal xejn jekk ma jkunx hemm ir-rieda li niġġieldu r-razziżmu f’kull sfera tal-ħajja.

Louise Chircop

Dr Louise Chircop hi lettur tas-Soċjoloġija tal-Edukazzjoni fi ħdan il-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta. Ir-riċerka tagħha tiffoka primarjament fuq id-diversità soċjali, speċjalment fejn tidħol l-edukazzjoni u d-dritt tal-istudenti għal edukazzjoni ekwa. Hija impenjata fis-settur tal-volontarjat għal dawn l-aħħar 17-il sena.

Previous
Previous

Għaliex niċċelebraw il-Pride?

Next
Next

L-inġustizzja fit-tqassim tal-ġid