Malta Jistħoqqilha Governanza Serja, Trasparenti u Rappreżentattiva
Il-Kollettiv jirreaġixxi għar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-saltna tad-dritt fl-Unjoni
Is-sejbiet tar-Rapport Annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Saltna tad-Dritt fl-Unjoni Ewropea jikkonfermaw il-ħtieġa li pajjiżna jkollu governanza serja, trasparenti u rappreżentattiva.
Fir-reazzjonjiet tiegħu għar-rapport, il-Kollettiv jieħu nota tas-sejħa tal-Kummissjoni Ewropea sabiex il-proċess għal riforma Kostituzzjonali jerġa’ jiġi riattivat mill-President tar-Repubblika, wara li dan staġna fl-2019.
“Hemm il-ħtieġa li din ir-riforma titwettaq sabiex ikollna demokrazija moderna, b’saħħitha u verament rappreżentattiva tas-soċjetà kollha. Il-messaġġ tal-President fid-diskors inawgurali tagħha kien wieħed ċar u jeħtieġ li l-proċess ma jibqax jiġi imfixkel miż-żewġ partiti l-kbar”, saħaq Cyrus Engerer, deputat Segretarju ta’ Il-Kollettiv, li semma kif il-Kummissjoni Ewropea għamlet referenza diretta għal riformi parlamentari u tax-xandir tal-istat fir-rapport tagħha.
“Nemmnu li fost l-oqsma li għandhom jiġu riformati immedjatament, u qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss, hemm is-sistema elettorali, il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti, l-operat tal-parlament u l-eżekuttiv ta’ Malta, kif ukoll il-qasam tax-xandir”, qal Engerer.
Jeħtieġ trasparenza fil-Governanza ta’ pajjiżna fejn iċ-cittadini jkollhom aċċess kontinwu u sehem fid-deċiżjonijiet li jkunu qegħdin jittieħdu. “F’pajjizna mhux biss iċ-ċittadini ma għandhomx aċċess b’mod organizzat ta’ kif jistgħu jipparteċipaw fil-proċess leġiżlattiv, kif innotat il-Kummissjoni Ewropea, iżda f’kull livell ta’ Governanza anke l-ġurnalisti huma mċaħħda minn informazzjoni u dokumenti publiċi li huma ta’ interess għal kull min jgħix f’Malta.”
Wasal iż-żmien li f’Malta talbiet ta’ Freedom of Information jittieħdu bis-serjetà mill-Gvern u mill-awtoritajiet li sal-lum huma iktar interessati jaħbu d-dokumenti pubbliċi li b’mod naturali għadu jkollu aċċess għalihom kulħadd. “Nemmnu wkoll li għandu jiddaħħal Reġistru tat-Trasparenza li għandu jiġi rispettat minn kull politiku f’pajjiżna. Il-laqgħat li jsiru mill-politiċi ma’ individwi u organizzazzjonijiet ta’ interess huma laqgħat li qed isiru f’isem iċ-ċittadini u għaldaqstant l-informazzjoni dwarhom għandha tkun fid-dominju pubbliku.”
Wayne Flask, segretarju ta’ Il-Kollettiv, tkellem dwar il-ħtieġa li tiddaħħal is-serjetà fil-Governanza. “Il-Gvern Malti ma jistax jinjora r-rakkomandazzjonijiet li jsiru minn inkjesti pubbliċi, li xi kultant ikun saħansitra talab hu stess. Huwa tal-mistħija kif, tliet snin wara li ġiet ippubblikata l-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, ir-rakkomandazzjonijiet kollha prattikament għadhom biss fuq il-karta mingħajr ebda azzjoni jew implimentazzjoni.”
Filwaqt li naqblu mal-Kummissjoni Ewropea li għandhom jiġu implimentati b’mod immedjat ir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-inkjesta dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, nisħqu li tinħtieġ riforma immedjata fil-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, li anke skont il-Kummissjoni Ewropea, “għadha ma ħalliet l-ebda riżultat tanġibbli”.
“Sabiex ikollna Governanza serja, trasparenti u rappreżentattiva nemmnu li ma nistgħux nistennew iżjed biex ikollna Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u bidla essenzjali fil-liġi tal-Whistleblowers sabiex dawk kollha li jiġġieldu l-ħażen ikunu protetti”, ikkonkluda Flask.
Il-Kollettiv qed jipproponi li, fi żmien qasir:
Jitnieda proċess ta’ riforma elettorali;
Jitnieda proċess ta’ riforma parlamentari;
Issir riforma serja tal-liġi tal-Finanzjament tal-Partiti;
Titwettaq riforma tax-Xandir;
Jiddaħħal reġistru ta’ Trasparenza għall-politiċi u dawk fis-servizz pubbliku;
It-talbiet imressqa taħt il-Freedom of Information Act jiġu soġġetti għall-obbligu ta’ risposta;
Titnieda riforma tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni;
Titwaqqaf Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem, taħt il-President jew l-Ombudsperson;
Tingħata protezzjoni xierqa lill-Whistleblowers.