Wied Żnuber mhedded: iffirma l-oġġezzjoni
Ħal Far xi darba kien spazju miftuħ għar-rikreazzjoni tal-familji fil-weekends.
Illum l-istorja hi kompletament differenti minħabba li Ħal Far inbidel f’żona industrijali.
Fadal però l-aħħar spazju miftuħ fuq Wied Żnuber fejn l-Awtorità tal-Ippjanar trid twitti l-aħħar ftit xagħri naturali li fadal sabiex tibni mitjar għall-ajruplani mudelli, eżatt maġemb sit ta’ Natura 2000. Dan qed isir sabiex jiġi sodisfatt ftehim sigriet fuq art pubblika li ġie ffirmat minn wara dahar kulħadd bejn tliet aġenziji tal-Gvern u l-għaqda tad-dilettanti tal-ajruplani nhar it-12 ta’ Frar 2022.
Dak li fadal minn Wied Żnuber hu art naturali li għandha importanza ekoloġika u arkeoloġika kbira.
Mill-aspett ekoloġiku, is-sit hu magħruf ħafna għall-bejtiet taċ-ċief u l-garni, żewġ tjur protetti sensittivi ħafna għad-dawl artifiċjali. Barra minn hekk, ibejjet ukoll il-Merill, l-għasfur nazzjonali, fost diversi għasafar oħra. Fost il-flora u fawna f’dan il-wied tinbet ukoll il-pjanta nazzjonali, Widnet il-Baħar.
Mill-aspett arkeoloġiku, fil-qiegħa tal-wied naraw ħajt iffortifikat mibni fl-era Brittanika. Eżatt ftit passi ‘l bogħod minn fejn iridu jwittu għall-mitjar hemm Dolmen preistoriku u eżatt fejn iridu jwittu nsibu fdal ta’ xelter militari u l-aħħar posta tal-kanali tal-ilma li huma mħaffra fil-blat.
L-attività tat-titjir tal-ajruplani se tikkaġuna storbju u dawl artifiċjali, kif ukoll movimenti fl-arja fuq u maġemb żona ta’ Natura 2000. Għalhekk apparti l-qerda ambjentali din l-attività mhijiex kompatibbli mar-rekwiżiti li jikostitwixxu żoni ta’ Natura 2000 skont kif rikjest mill-UE.
Fil-preżent l-Awtorità tal-Ippjanar, konxja mill-fatt li l-pjan lokali ta’ Ħal Far ma jippermettix il-bini ta’ mitjar minjatura, qed tagħmel konsultazzjoni pubblika bil-għan li tbiddel dan il-pjan Lokali sabiex jiġi sodisfatt il-ftehim sigriet li sar fl-2022.
Il-konsultazzjoni pubblika tagħlaq fl-24 ta’ Lulju.
Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa u l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa qed joġġezzjonaw għal kull forma ta’ żvilupp jew sfruttament ieħor fuq dan is-sit. Qed jitolbu lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex tiddikjara ż-żona kollha mhux disturbata li fadal fl-inħawi ta’ Wied Żnuber bħala ODZ, bil-għan li tiġi riabilitatà u gawduta mill-poplu Malti kollu, inklużi l-ħaddiema li jaħdmu fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far li sal-lum m’għandomx post pubbliku għall-mistrieħ tagħhom.
Tista’ toġġezzjona billi:
jew tibgħat email fuq halfar.review@pa.org.mt
jew tidħol f’din il-holqa https://govcms.gov.mt/en/publicconsultation/Pages/2024/NL-0016-2024.aspx?fbclid=IwZXh0bgNhZW0CMTAAAR3lrXz2ZZ46zcYz-A4gy666GQXtK521EvdOmJPfhA_kkPAg9iAIntz06fE_aem_sHZ5VZdn_jG-CfYhI6QGtQ
Tista’ toġġezzjona wkoll billi tiffirma l-oġġezzjoni maħruġa mill-Kunsill Lokali. Din il-formola tista’ tinġabar mill-uffiċċju tal-Kunsill Lokali fil-ħinijiet tal-uffiċċju, inkella nhar il-Ħamis filgħodu se jkun hemm persuni jduru waqt il-monti ta’ Birżebbuġa. Is-Sibt u l-Ħadd filgħaxija se jkun hemm stand apposta waqt il-lejla Sajfija organizzata mill-parroċċa.
Jekk se toggezzjona online jew b’email tista’ tuża dan it-test:
Nixtieq noġġezzjona għar-Reviżjoni Parzjali proposta tal-Pjan Lokali ta’ Nofsinhar ta’ Malta tal-2006, kif emendat fl-2017, għal Ħal Far, kif propost mill-Awtorità tal-Ippjanar, fl-abbozz ta’ konsultazzjoni pubblika bħala parti mit-tieni fażi tal-proċess tar-reviżjoni parzjali.
Jiena noġġezzjona li l-art ta’ madwar 17,000 metru kwadru, tkun mibdula min art industrijali, għal f’art li taqa’ taħt id-definizjoni ta’ “Area of Low Impact Sports with Green Open Space” u suġġett tal-Policy SMHF 04. Din l-art għandha tkun inkluża wkoll bħala art li taqa’ taħt id-definizjoni ta’ “Area to be Conserved and Restored” u suġġett tal-Policy SMHF 05.
Id-39,800 metru kwadru ta’ art għandha tkun żona li tiġi mbidla minn post industrijali għal żona ta’ konservazzjoni u restawr ambjentali, mingħajr ebda opzjoni fejn din l-art tkun tista’ tiġi meqjusa għal żvilupp u/jew sfruttament ta’ kwalunkwe tip, taġixxi ta’ buffer għaż-żoni protetti ta’ biswit u mibdula f’Outside Development Zone (ODZ).