Appoġġ miż-Żurrieq għaż-Żejtun
L-Għaqda Residenti taż-Żurrieq tixtieq tesprimi s-sapport tagħha lill-għaqda Wirt Iż-Żejtun, li ilha 6 snin tikkumbatti sabiex ma titteħidx aktar art tajba għar-raba’ u spazji miftuħa f’Bulebel.
Għal darb’oħra jitfaċċa l-Pjan Lokali tal-2006, pjan qadim u antikwat u li serva biss biex min jitfa’ għajnejh fuq art tal-Gvern jakkwistaha bl-inqas problemi, anki jekk mijiet u saħansitra eluf ta’ residenti jkunu kontra.
Pjan li għandu kważi 20 sena u m’hemmx li jiġi rivedut, aġġornat u jekk hemm bżonn mibdul biex jirrifletti l-ħtiġijiet ta’ Malta tal-2024. Pjan li jmur kontra kull min jara valur fl-art ODZ, speċjalment f’dik l-art li tinħadem bil-qbiela. Pjan li ma jħobbx lir-residenti u jrid lill-bdiewa jaqbżu ’l barra mill-għelieqi li jaħdmu.
Aħna se nibqgħu b’saħħitna biex l-iżvilupp propost fuq 12-il tomna raba’ ODZ fin-Nigret ma jseħħx. Gruppi bħal Wirt iż-Żejtun iqawwulna qalbna.