Ħidma Kollettiva fil-Qrendi
Grupp ta’ residenti mill-Qrendi qed jingħaqdu sabiex jippreżervaw il-benessri tar-raħal tagħhom. Tul il-jiem li għaddew, inħolqot il-paġna tar-Residenti tal-Qrendi, bl-għan li l-komunità tibda l-ħidma kollettiva għall-ġid tar-raħal.
Il-Qrendi kien fl-aħbarijiet eżattament qabel l-elezzjoni hekk kif il-Prim Ministru ħabbar li se tiġi rtirata l-applikazzjoni għall-bini ta’ impjant tat-tarmak fil-konfini mal-Imqabba. F’Novembru 2023, grupp ġmielu ta’ residenti ħareġ f’konferenza stampa kontra l-proposta tal-impjant, u fil-jiem ta’ wara tħassret laqgħa bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Kunsilli Lokali wara li ntefgħu dubji fuq din l-applikazzjoni.
Madankollu, s-serħan dam biss ftit jiem hekk kif ħarġet applikazzjoni għall-bini ta’ blokka ta’ ħames sulari f’tarf iż-żona ta’ konservazzjoni urbana tar-raħal. L-applikant qed jipproponi 48 appartamenti u żewġ livelli ta’ garaxxijiet taħt l-art, f’żona li hija l-uniku pulmun ħieles tar-raħal u fil-viċinanzi ta’ skola.
Ir-residenti tal-Qrendi qed jopponu dan l-iżvilupp u qed jagħmlu sejħa biex il-pubbliku joġġezzjona għall-applikazzjoni PA/03299/24.
Il-Qrendi huwa raħal ieħor mir-reġjun magħruf bħala “ta’ wara l-Mina” li flimkien maż-Żurrieq, Ħal Safi u l-Imqabba huwa assedjat minn applikazzjonijiet għal żviluppi massiċċi li se jibilgħu ħafna art verġni u se jibdlu għal dejjem l-identità ta’ dawn iż-żoni. Tul l-aħħar xahar, kemm fiż-Żurrieq kemm f’Ħal Safi saru attivitajiet organizzati mir-residenti fejn saru talbiet għal reviżjoni tal-Local Plans tal-2006, responsabbli - flimkien mal-apatija politika - għall-isfreġju madwar Malta kollha.
Waqt dawn il-laqgħat, spikkat ukoll is-solidarjetà bejn l-għaqdiet tal-irħula ġirien, li qed iħossu dejjem iżjed il-ħtieġa li jingħaqdu għad-difiża tal-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Ir-residenti tal-Qrendi li jixtiequ jipparteċipaw f’din il-ħidma kollettiva jistgħu jibagħtulna email fuq kollettiv@gmail.com.