Kif se jagħlqu ħalq kulħadd (2)

Madwar il-kwistjoni tas-sospensjoni tal-bini taħt appell hemm biċċa tapizzerija li l-Gvern ilu jħejji żmien.

F’Settembru 2023, wara l-protesti tar-residenti tax-Xemxija fuq il-mod kif il-bini tal-Mistra Village qed jitħalla għaddej (riżultat tal-kawlata legali maħduma fl-Ippjanar: l-ogħla istituzzjoni tal-ġustizzja f’pajjiżna m’għandhiex setgħa tinforza deċiżjonijiet fuq żviluppi illegali), il-Prim Ministru kien ħareġ jgħid li xogħlijiet fuq applikazzjonijiet għal bini taħt appell mhux se jitħallew jinbdew.

Fl-Ewwel ta' Mejju, il-Prim Ministru tenna li se jdaħħal riforma fejn ma jistgħux isiru xogħlijiet fuq bini taħt appell. Iżda fil-White Paper hemm xi ħaġa oħra moħbija.

Fi ftit żmien ħarġet White Paper għall-konsultazzjoni tal-pubbliku dwar dan is-suġġett, iżda mkeffna fl-aħħar punt hemm dispożizzjoni biex jiġu ristretti anke l-oġġezzjonijiet.

Hawnhekk, il-PA tuża t-tipa grassa biex tispeċifika li l-oġġezzjonijiet għandhom ikunu biss fuq kwistjonijiet ambjentali u ta’ ppjanar, mingħand persuni li jiddikjaraw l-interess tagħhom fl-applikazzjoni biss.

It-Tribunal tal-Appelli tal-Ippjanar (EPRT), li spiss ħa pożizzjonijiet favur l-iżviluppaturi biex imbagħad jiġu miċħuda mill-Qorti, se jingħata “parametri iżjed ċari” biex joħroġ il-multi għal appelli ddikjarati “frivoli” minnu stess.

Skont il-liġi attwali, it-Tribunal jista’ jfajjar il-multi għal appell frivolu u min jaqlagħhom ma jistax jappella quddiem il-Qrati.

It-tattika tal-interess ġudizzjarju kien diġà użaha numru ta’ drabi d-Deputat Kap Laburista Ian Borg fil-konfront ta’ koalizzjonijiet tal-attivisti. Fiż-żmien bħala Superministru tal-Ippjanar, it-Trasport, l-Artijiet u l-Infrastruttura kien ipprova jelimina lill-objetturi mill-każ tal-Aħrax u l-Miżieb, u anke f’Ħad Dingli kien għamel diskorsi territorjali “dwar ir-raħal ta’ Ian Borg” biex ixejjen l-interess ta’ min kien qed jipprotesta.

Filwaqt li saru numru ta’ protesti dwar is-sospensjoni tal-bini taħt appell, ftit huma konxji mill-mod kif il-Gvern qed jipprova jaqta’ saqajn l-oġġezzjonijiet tar-residenti bl-iskuża tal-NGOs. Ir-riżultat ta’ dan il-manuvrar huwa maħsub biex jaqta’ qalb l-NGOs (li diġà jħallsu spejjeż konsiderevoli għal kull appell), anke sabiex isibuha iżjed diffiċli li jkomplu l-ġlieda fil-Qrati kif seħħ fi snin riċenti.

Discussion Paper on Proposed Amendments Related to the Suspension of the Executability of Development Permissions,
Ottubru 2023

Iżda hawn huwa l-punt fejn il-Gvern u l-iżviluppaturi mhux se jiftiehmu. Wieħed taħt pressjoni elettorali f’ħafna fortizzi Laburisti imqażżin bil-bini, l-oħrajn jagħfsu u jimbuttaw għal iżjed għoli u inqas oġġezzjonijiet; lilhinn mis-sempliċi “regħba”, jidher fid-dawl tax-xemx li hawn miljuni kbar fi flus li jrid bilfors u malajr jiġi investit fil-bini, anke biex jiġu evitati t-taxxi u l-mistoqsijiet dwar il-provenjenza tagħhom.

Il-furja kontra l-NGOs hija biss eżerċizzju biex tiġi limitata l-pubbliċità ħażina fis-swieq barranin, fejn hemm aċċess faċli għall-aħbarijiet bl-Ingliż dwar Malta. Id-dewmien fil-ħruġ tal-permessi mhijiex ir-riżultat tal-appelli (li jiswew ħafna flus biex isiru), iżda minħabba li l-PA hija awtorità oħra li qed tegħreq fix-xogħol iġġenerat mill-istess iżviluppaturi u mhux tlaħħaq mal-pass tal-applikazzjonijiet li deħlin.

Iżda fl-aħħar mill-aħħar, l-iskutentizza tar-residenti (eletturi), mhux tal-NGOs, hija l-vera problema għall-Gvern u l-iżviluppaturi.

Il-fatt li l-għaqdiet tar-residenti qed jinbtu madwar Malta huwa sintomu ta’ din ir-rabja, u minkejja l-inkwiet dwar “kompetizzjoni” fl-attiviżmu minn min jippretendi li għandu xi monopolju, qed tiżdied ir-rieda tar-residenti li jmexxu huma stess il-kampanji fl-irħula tagħhom.

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni jridu jiddeċiedu, fix-xhur li ġejjin, jekk hux se jkunu gvern tal-iżviluppaturi jew tal-poplu.

Filwaqt li l-Gvern iressaq is-siġġijiet u l-imwejjed qabel jew wara xi protesta jew oħra, minn taħt qed jara kif jagħmel biex jiġbed it-tapit minn taħt il-votanti tiegħu stess; eżatt bħal xi ħadd li qed joqros lilu nnifsu biex ma jorqodx, u mbagħad joqgħod jingħi għax jistenbaħ imbenġel.

Wayne Flask

Wayne Flask, segretarju ta’ Il-Kollettiv, ilu involut fl-attiviżmu mill-2017, b’interess fi kwistjonijiet ta’ natura lokali u reġjonali. Huwa wkoll opinjonista ta’ The Times of Malta u produttur tad-dokuserje Vittmi tal-Kostruzzjoni.

Previous
Previous

Bla Waqfien: l-Attakk fuq il-Kwalità tal-Ħajja

Next
Next

Kif se jagħlqu ħalq kulħadd (1)